Lokali Qorti

Alġerin mixli li ħarab miċ-ċentru ta’ Ħal Safi

Alġerin ta’ 31 sena ġie mixli quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri li matul ix-xahar ta’ Ġunju li għadda huwa ħarab miċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi.

Bilal Abdul Aziz li ddaħħal fl-awla bil-krozzi wieġeb mhux ħati li huwa wettaq din il-ħarba. L-Avukat tiegħu, Ibtisam Sadegh għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, liema talba sabet oppożizzjoni mill-Ispetturi Michael Vella u Doriette Cuschieri li ressqu lill-Alġerin.

Id-difiża qalet li l-akkużat għandu bżonn il-kura mediak, bil-Prosekuzzjoni tgħid li din il-kura tista’ tingħata l-ħabs stess u anke għall-fatt li dan kien jinsab maħrub u għalhekk m’għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti ċaħdet it-talba minħabba biża li l-imputat ma jkunx jita’ jaderixxi mal-kundizzjonijiet imposti fuqu, u għal tal-anqas f’dan l-istadju ċaħdet it-talba.

Il-Qorti qalet ukoll li rat b’għajnejha l-istat ta’ saħħa tal-akkużat u dan kien ukoll għall-attenzjoni tad-difiża u rrakkonmda lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex l-imputat jingħata kull kura meħtieġa.