Lokali Parlament

Budget bla proposti tanġibbli dwar l-ugwaljanza u l-mara fis-soċjetà

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet fil-parlament li dan kien budget bla proposti tanġiblbi dwar l-ugwaljanza u l-mara fis-soċjetà.

Claudette Buttigieg qalet li dan huwa budget li qed jiġi diskuss fi żminijiet kważi surreali b’pandemija tal-COVID għal tmien xhur. Din il-pandemija, ħolqot inugwaljanzi kbar li se jkollhom effett dejjiemi; kisbiet fl-ugwaljanza ntilfu. Dawk il-persuni li kienu qed ibatu minn inugwaljanzi u diffikultajiet qabel il-COVID, illum qed jaraw li dawn l-inugwaljanzi żdiedu u mhux naqsu.

Hi qalet li l-vjolenza domestika kompliet tgħolli rasha. In-nuqqas ta’ xogħol, it-tnaqqis fid-dħul u l-miżuri tas-saħħa qed iwasslu biex persuni li jgħixu flimkien f’atmosfera ta’ vjolenza qed ikollhom jiffċċjaw din ir-realtà bi ftit li xejn ċans li jaħarbu mis-sitwazzjoni u li jirrapurtaw l-abbuż.

Koppji li għaddejin minn separazzjoni jew li sseparaw qed jiffaċċjaw diffikultajiet kbar. Qed iseħħu dejjem aktar b’każijiet ġenwini fejn il-persuna li suppost tmantni l-parti l-oħra u lill-ulied, mhux qed tlaħħaq minħabba tnaqqis fid-dħul.

Mal-każijiet genwini żdied ukoll l-abbuż f’dan ir-rigward. L-istess qed iseħħ fejn tfal mhux qed jitħallew jaraw lill-genituri tagħhom kif kien miftiehem.

Claudette Buttigieg qalet li fil-budget, fl-unika erba’ sentenzi ddedikati għal dan is-suġġett, taħt it-titlu ‘Ugwaljanza u Riformi’ hemm żewġ sentenzi fuq il-work-life balance u sentenza fejn hemm xi inizjattivi imma meta tgħasar ma ssib xejn; l-ebda investiment.

Il-budget ma fih xejn dwar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, għall-Kummissjoni għad-Drittijiet Umani u l-Ugwaljanza, għal strateġija għall-ugwaljanza bejn is-sessi, għal Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali Kontra r-Razziżmu u l-Xenofobija, għal rappreżentanza ugwali fil-parlament u għal Ċentru għall-komunità LGBTIQ. Taħt other reforms hemm biss €130,000.

Il-Gvern seta’ ħadem fuq it-teleworking li mhux biss jgħin fis-sitwazzjoni tal-pandemija imma jista’ jkollu effetti fit-tul; il-Prim Ministru fid-diskors tal-budget wera li lanqas biss jaf li din id-direttiva tneħħiet.

Il-Ministru għal Għawdex lanqas jaf x’qed iseħħ meta t-teleworking jista’ jintuza biex verament l-Għawdxin jaħdmu minn Għawdex. Din hija opportunità li naħdmu fuqha minħabba l-pandemija imma jekk naħdmu fuqha sew u b’għaqal tista’ titkompla fit-tul.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar il-benefiċċji tat-teleworking jew remote working anki wara wara l-pandemija

Il-unions ewlenin tkellmu dwar il-kumpaniji, il-ħaddiema, id-deliverables ċari li joħolqu iktar fiduċja bejn min iħaddem u l-ħaddiema; it-teleworking m’huwiex kappriċċ. Skont stħarriġ tal-NSO it-teleworking minn 12% tela’ għall-33%; u dan bla pjan imma issa tneħħiet id-direttiva u m’hemmx pjan biex terġa’ tidħol.

Fl-ugwaljanza ma daħlux l-inċentivi biex fis-settur privat il-mara jkollha preżenza aktar b’saħħitha u dinjituża u ma daħlux l-inċentivi biex titnaqqas il-Gender Pay Gap.

Fit-8 ta’ Marzu 2019, f’Jum il-Mara, il-Gvern ħareġ id-dokument ta’ konsultazzjoni; Towards a Gender Equality Mainstreaming Framework. Faqar assolut f’termini ta’ ideat, proposti u soluzzjonijiet.

Claudette Buttigieg qalet li biex il-mara Maltija tkun verament laħqet il-milja tagħha u biex verament ikun hemm ugwaljanza vera bbażata fuq ir-rispett u l-valuri li sawwruna rridu nħossu li dan il-Gvern jagħti valur veru u ġenwin lill-mara; lil kull mara.

Hi staqsiet x’sar minnha r-riforma fuq il-prostituzzjoni u traffikar tal-persuni. Fl-estimi hemm line item Prevention of Human Trafficking b’allokazzjoni ta’ €300,000; tajjeb imma għaliex qed tinħeba r-riforma fuq il-prostituzzjoni?

Għaliex qed jiġu njorati l-40 NGO u esperti li sena ilu ppreżentaw dokument mirqum u riċerkat sew fuq il-prostituzzjoni? Għaliex il-Gvern qed jisma’ l-esperjenzi ta’ prostituti barranin u mhux dawk Maltin jew li jaħdmu f’Malta? Il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari marru jżuru Dar Hosea? Iltaqgħu man-nies li qed jaħdmu mal-vittmi l-aktar vulnerabbli tal-prostituzzjoni f’pajjiżna? staqsiet id-deputat Nazzjonalista