Internazzjonali

Franza….Xokk u kundanna għal attakk terroristiku f’Nizza

L-awtoritajiet Franċiżi qegħdin jinvestigaw attakk brutali ġdid li li sewa l-ħajja ta’ tliet persuni fil-belt ta’ Nizza. Dan meta l-Ministru għall-Intern, Gerald Darmanin, sigħat ilu, mexxa laqgħa ta’ kriżi f’Pariġi fejn hu u l-uffiċjali tas-sigurtà diskutew il-passi li jmiss fiċ-ċirkustanzi.

Għalkemm il-pulizija ma ssuġġerewx l-iskop wara l-attakk, is-Sindku ta’ Nizza, Christian Estrosi, qal minnufih li ‘kien seħħ attakk terroristiku fil-qalba tal-bażilika ta’ Notre-Dame’. Ir-rapporti, ftit wara, ikkonfermaw li persuna anzjana li kienet marret fil-knisja biex titlob kienet spiċċat b’rasha maqtugħa.

Ingħad ukoll li raġel suspettat bħala l-aggressur – u li nżamm taħt arrest ftit wara l-attakk – beda jirrepeti kemm-il darba l-kliem ‘Allahu Akbar’ waqt li kien qed ikun imrażżan mill-pulizija.

Fil-fatt, Estrosi sostna li l-attakk brutali sar fuq ‘stil faxxista ta’ bixra Iżlamika’ anki waqt li l-prosekuturi Franċiżi għal kontra t-terrur kienu qed jiftħu inkjesta speċifika dwar il-qtil.

Is-Sindku ta’ Nizza, fl-istess ħin, qabbel l-attakk fil-belt tiegħu mal-qtil riċenti tal-għalliem, Samuel Paty, li jiem ilu kien spiċċa attakkat u mbiċċer minn aggressur fanatiku barra l-iskola tiegħu f’subborg (Conflans-Sainte-Honorine) ta’ Pariġi.

Paty inqatel għaliex kien wera l-karikaturi tal-Profeta Mohammad ( il-fundatur tal-Islam) waqt li kien qed jgħallem lill-istudenti dwar id-dritt għall-espressjoni ħielsa. Il-karikaturi jitqiesu mill-Musulmani bħala ‘grafika insolenti’ għar-reliġjon tagħhom.

Anki llum, seħħew żewġ attakki oħra – wieħed fi Franza u l-ieħor fl-Arabja Sawdija.

Fl-ewwel każ, raġel spiċċa maqtul minn tiri fl-inħawi ta’ Montfavet, qrib Avignon, wara li hu kien hedded lill-pulizija b’arma tan-nar.

Il-każ fl-Arabja Sawdija kien jinvolvi attakk fuq gwardjan li kien għassa barra l-konsulat Franċiż f’Jeddah. Il-pulizija, wara, arrestat lis-suspettat fl-attakk, bil-gwardjan jittieħed l-isptar għall-kura.

Matul il-ġurnata, komplew deħlin id-dettalji dwar l-attakk xokkanti f’Nizza u fejn sar magħruf li tnejn mill-mejtin kienu sfaw attakkati ġewwa l-knisja proprja. Waħda mill-vittmi kienet ikkonfermata bħala mara – bil-pulizija anki ssib raġel mejjet li kien spiċċa b’għonqu mħanxar.

It-tielet vittma – ukoll mara – kienet irnexxielha taħrab lejn kafeterija qrib il-knisja iżda mhux qabel laħqet qalgħet diversi daqqiet ta’ sikkina li kkaġunawlha ħajjitha ftit tal-ħin wara.

Il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gerald Darmanin, appella lin-nies biex jevitaw iz-zoni tal-attakki f’din il-belt, li tinsab fiċ-ċentru tal-famuża Riviera Franċiża. Intant, il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, żar l-inħawi inkwistjoni fejn kien aġġornat personalment dwar is-sitwazzjoni.

Il-Prim Ministru Franċiż, Jean Castex, waqt diskors fl-Assemblea Nazzjonali, qal li ftit hemm dubju li ‘Franza, bħalissa, qed tiffaċċja sfida ġdida u serja ħafna’ – filwaqt li appella għall-għaqda fost il-poplu.

Intant, it-tensjoni fil-pajjiż qed issir aktar akuta, meta l-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu biex jikkonfronta ‘b’determinazzjoni’ lill-elementi radikali Iżlamiċi fi ħdanu.

L-inizjattiva mhix qed tintlaqa’ tajjeb minn pajjiżi bħat-Turkija, Bangladesh u l-Ġordan, fejn qed isiru protesti rabbjużi dwar ‘din il-politika Franċiża’. Dan meta l-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, sejjaħ għal bojkott ta’ prodotti minn Franza b’reazzjoni għall-kummenti tal-President Macron dwar ir-radikaliżmu Iżlamiku.

Madankollu, it-Turkija ħarġet messaġġ qawwi ta’ kundanna għall-attakk ‘barbaru’ f’Nizza. Numru ta’ mexxejja ta’ pajjiżi prominenti wkoll esprimew is-sens ta’ niket u xokk – bil-Papa Franġisku jwassal messaġġ ‘li qiegħed jaqsam id-dulur u s-sogħba ma’ dik il-komunità ta’ Kattoliċi’,