Lokali

Ġorġ Borg Olivier – 40 sena minn mewtu

Fidi, kuraġġ u determinazzjoni.

Ġorġ Borg Olivier twieled il-Belt Valletta fil-5 ta’ Lulju tal-1911. Studja l-Liċeo u l-Università Irjali ta’ Malta minn fejn fl-1937 ħa l-Lawrija ta’ Nutar u sentejn wara kien elett għall-ewwel darba fil-kunsill tal-Gvern fl-interessi tal-Partit Nazzjonalista.

Jirrakkonta Borg Olivier: 

“Jien  trabbejt f’familja fejn il-politika kienet dejjem tiġri fil-vini tagħna. F’età żgħira ħafna kien hawn avvenimenti bħall-insistenza għall-Parlament Malti li wasslet għall-għoti tal-ewwel Kostituzzjoni denja tal-isem, dik tal-1921, li bilfors qajmet interess kbir f’kull min bl-iċken mod kien qrib il-politika.

“Fil-kumitati tal-Università, fejn għal żmien kont President, kont nieħu parti attiva fil-politika li malajr wasslitni biex insir membru tal-Kunsill tal-Gvern li kellna dak iż-żmien bħala rappreżentant elett mill-poplu.”

Dwar kif ħareġ għall-politika Dun Eddie Borg Olivier, ħu Ġorġ, jgħid li meta fl-1939 Ġorġ mar fuq ħuhom il-kbir u qallu li Sir Ugo Mifsud kien ħajru joħroġ għall-elezzjoni, ħuh kien qallu biex jaħsibha sew.  Ġorġ Borg Olivier xorta ddeċieda li jikkontesa. Hu kien approvat bħal kandidat mill-Partit Nazzjonalista fil-Kungress li kien sar fl-10 ta’ Ġunju 1939.

L-ewwel  li kkanvassja kien f’Wied iż-Żurrieq. Qal li kien hemmhekk l-ewwel li mar.  Daħal f’ħanut fejn kien hemm xi sajjieda. Dawn, kif rawh, tqarrsu iżda hu qalilhom li kien sajjied bħalhom. Dawn, mistagħġbin, staqsewh kif jista’ jkun, u hu weġibhom li filwaqt li huma kienu sajjieda tal-ħut hu kien sajjied tal-voti.

L-ewwel Mass Meeting  li tkellem fih Ġorġ Borg Olivier kien dak li sar fil-Pjazza tal-Knisja tas-Siġġiewi fil-25 ta’ Ġunju 1939.

Fid-9 ta’ Frar 1942, il-Kunsill tal-Gvern beda jiddiskuti liġi li kienet tagħti d-dritt li jiġu deportati Maltin ħutna barra minn pajjiżhom. Din il-liġi kienet opposta mir-rappreżentanti Nazzjonalisti.

Sir Ugo Mifsud, waqt li kien qed jitkellem kontra din il-liġi, ħassu ħażin u miet jumejn wara. Ġorġ Borg Olivier waħdu vvota kontra l-liġi li kienet il-kaġun li Nerik Mizzi, fost l-oħrajn, kien eżiljat lejn l-Uganda.  B’hekk, Ġorġ Borg Olivier sab ruħu mexxej tal-Partit Nazzjonalista sakemm Nerik Mizzi rritorna mill-eżilju fl-1945.

Jirrakkonta Borg Olivier li dawk kienu żminijiet mill-aktar koroh għall-PN:

Kont tkun għaddej minn Strada Rjali u nies magħrufa sewwa bħala Nazzjonalisti iżda li kienu jibżgħu juru x’inhuma biex ma jsellmux, jaqsmu u jmorru fuq il-bankina l-oħra.

Bil-wasla ta’ Nerik Mizzi mill-Uganda, il-Partit Nazzjonalista reġa’ beda jorganizza ruħu. Sar il-Kungress tal-21 ta’ Settembru tal-1947 li matulu ntgħażlu l-kandidati li kellhom jikkontestaw mal-PN fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ dik is-sena, u approva l-programm. Fl-elezzjonijiet, li saru f’Ottubru 1947, Ġorġ Borg Olivier kien wieħed mis-seba’ deputati Nazzjonalisti eletti. Il-Gvern intrebaħ mill-Partit Laburista.

Sentejn wara, Ġorġ Borg Olivier inħatar Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista u għamilha ta’ Aġent Kap tal-Partit meta Nerik Mizzi rtira minħabba saħħtu.

Fl-Elezzjoni Ġenerali tal-1950, wara l-qasma fil-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista kiseb l-akbar numru ta’ siggijiet u b’hekk kellu maġġoranza relattiva. Il-PN ifforma gvern ta’ minoranza b’Nerik Mizzi bħala Prim Ministru u b’Ġorġ Borg Olivier Ministru ewlieni.

Bil-mewt ħesrem ta’ Nerik Mizzi fl-20 ta’ Diċembru, 1950, Ġorġ Borg Olivier sab ruħu Kap tal-Partit Nazzjonalista u Prim Ministru ta’ Malta.

Il-kariga ta’ Borg Olivier bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista kienet approvata unanimament mill-Eżekuttiv tal-PN fid-19 ta’ Diċembru, 1950 u mill-Kungress Nazzjonalista fil-25 ta’ Frar, 1951.

Fl-elezzjonijiet tal-1951 il-Partit Nazzjonalista reġa’ żied fl-appoġġ. Iżda billi għal darb’oħra ma kellux maġġoranza waħdu, ifforma gvern mal-Partit tal-Ħaddiema mmexxi minn Pawlu Boffa.

Fl-elezzjoni ta’ Diċembru 1953, il-Partit Nazzjonalista tella’ 18-il Deputat u reġa’ ngħaqad mal-grupp ta’ Boffa biex ifforma gvern ta’ Koalizzjoni.

Fl-1953 Dottor Ġorġ Borg Olivier, waqt żjara li kien għamel f’Londra, ippropona lill-Gvern Ingliż li Malta tkun trasferita mill-Uffiċċju Kolonjali għall-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet tal-Commonwealth.

Il-Gvern Ingliż, li ma kienx lest li jikkonċedi d-Dominion Status, li ried il-PN, minflok, offra l-Home Office, alternattiva li kienet miċħuda immedjatament mill-Gvern Nazzjonalista ta’ koalizzjoni.

Fl-Elezzjoni tal-1955 tela’ fil-gvern il-Partit Laburista bl-għajta tal-Integration – proposta li kienet in-negazzjoni tal-Indipendenza għal pajjiżna u li kienet tħares lejn għaqda sħiħa mal-Ingilterra b’rappreżentanza fil-Parlament Ingliż. 

Din il-proposta sabet oppożizzjoni qawwija mill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier.

F’referendum li sar fil-11 u 12 ta’ Frar 1956 kien hemm 62,489 li bbojkottjawh, skont id-direttiva tal-PN immexxi minn Borg Olivier.

Mid-90,343 li tefgħu l-vot, 67,607 ivvutaw IVA u 20,177 ivvutaw LE.

B’hekk il-proposta għall-Integration kienet imfarrka.

Fl-1958, il-Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Duminku Mintoff irriżenja iżda Borg Olivier ma riedx jifforma Gvern la darba l-Gvernatur Ingliż ma riedx jagħtih assigurazzjoni li jaċċetta l-parir mogħti mill-PN li jsejjaħ elezzjonijiet jekk dawn ikunu meħtieġa.

Wara erba’ snin ta’ ħakma kolonjali saret Elezzjoni Ġenerali bejn is-17 u d-19 ta’ Frar 1962 li minnha ħareġ rebbieħ il-Partit Nazzjonalista mmexxi mimnn Ġorġ Borg Olivier.

Fl-24 ta’ Frar 1962 il-Gvernatur Sir Guy Grantham stieden lil Ġorġ Borg Olivier jifforma Gvern.

Fit-3 ta’ Marzu Borg Olivier ingħata l-ġurament ta’ Prim Ministru.

Fid-19 ta’ Marzu delegazzjoni tal-Gvern Malti mmexxija minn Ġorġ Borg Olivier marret Londra fejn wara li kellha taħditiet kostituzzjonali mas-Segretarju Kolonjali waslet biex temenda l-Kostituzzjoni ta’ Blood bir-riżultat li l-Pulizija, is-Servizz Pubbliku u karti konnessi mal-laqgħat tal-Kabinett għaddew f’idejn il-Gvern Malti.

F’mass meeting li sar fil-28 ta’ April, 1962 fi Qui-Si-Sana l-Prim Ministru Borg Olivier sostna li “post Malta hu mal-Alleanza Ewropea u fil-Commonwealth, politika sana li ma jistax ma tingħoġobx għax bażata fuq raġunijiet u strateġija.”

Wara li ma rnexxewx taħditiet finanzjarji u ekonomiċi, fl-20 ta’ Awwissu 1962 Ġorġ Borg Olivier għamel talba formali għall-Indipendenza ta’ Malta u kien minn hawnhekk li bdiet il-mixja iebsa lejn l-Indipendenza. Mixja li matulha saru taħditiet kostituzzjonali mal-partiti Maltin sew f’Malta kif ukoll Londra.

F’Mejju 1964 sar referendum dwar x’forma kellha tieħu l-Kostituzzjoni tal-Indipendenza.

F’dan ir-Referendum 65,714 ivvutaw IVA, 54,919 ivvutaw LE filwaqt li kien hemm 9,016 invalidi.

F’mass meeting li l-Partit Nazzjonalista għamel f’Ħaż-Żebbuġ fis-7 ta’ Mejju 1962 Borg Olivier sostna “li r-rebħa tar-Referendum kienet kbira u li din kienet se tkun ta’ ħtieġa kbira għal meta jitla’ Londra bil-prova li dawk li tawna l-vot fl-aħħar elezzjoni riedu wkoll l-Indipendenza.”

Fid-19 ta’ Mejju 1964 Borg Olivier tela’ Londra fejn talab lil Duncan Sandys, is-Segretarju tal-Istat għall-Commonwealth u Kolonji, jagħti lil Malta l-Kostituzzjoni approvata mill-Parlament u mill-poplu Malti u Għawdxi permezz tar-Referendum.

F’Lulju, Duncan Sandys ħabbar fil-House of Commons  x’forma kienet se tieħu l-Kostituzzjoni ta’ Malta Indipendenti. Hu ħabbar ukoll li kien intlaħaq ftehim dwar id-difiża u għajnuna finanzjarja.

Fil-lejl ta’ bejn l-20 u l-21 ta’ Settembru 1964 Malta twieldet bħala nazzjon indipendenti f’ċerimonja storika li fiha niżlet il-bandiera Ingliża u telgħet flokha dik Maltija. Iċ-ċerimonja saret fl-Arena tal-Indipendenza fil-Furjana fost l-entużjażmu u l-approvazzjoni ta’ eluf kbar ta’ Maltin.

L-għada filgħodu, fil-21 ta’ Settembru, Ġorġ Borg Olivier kien preżentat id-dokumenti kosituzzjonali mill-Prinċep Philip li ġie approvat f’Malta biex jirrappreżenta lir-Reġina Eliżabetta.

Borg Olivier kellem lill-poplu tiegħu: “L-Indipendenza ma tfissirx li pajjiżna jista jimxi mingħajr ebda għajnuna barrranija, li l-poplu tagħna jista’ issa ma jaħdimx, li ma neħtiġux għajnuna mingħand il-ħbieb.

L-Indipendenza tfisser li rridu naħdmu akar iebes u b’aktar rieda għaliex irridu nuru lid-dinja li aħna verament nistħoqqu l-Indipendenza li ksibna, li aħna naħdmu demokratikament, li nistgħu mmexxu lill-poplu tagħna fit-triq tal-liġi u l-buon ordni lejn prosperità ekonomika għalina u għal uliedna.

“Fl-imgħoddu aħna wrejna li kapaċi nirrinfaċċjaw sfidi, u, akbar l-isfidi, akbar kien il-kuraġġ tagħna, is-saħħa u d-determinazzjoni tagħna.”

Wara l-kisba tal-Indipendenza Ġorġ Borg Olivier poġġa lil Malta fuq il-mappa tad-dinja billi daħħal lil artna fil-Commonwealth, fin-Nazzjonijiet Uniti u fil-Kunsill tal-Ewropa.

Fl-1 ta’ Diċembru 1964 Malta kienet aċċetta bħala l-114-il membru tan-Nazzjonijiet Uniti b’akklamazzjoni.

L-għada, Ġorġ Borg Olivier indirizza l-Assemblea Ġenerali fejn sostna li mingħajr is-sħubija ta’ pajjiżna fil-komunità tan-nazzjonijiet kif preżentati minn din l-organizzazzjoni kbira, l-Indipendenza kienet titlef ħafna mit-tifsira tagħha.

Fit-3 ta’ Mejju 1965 Malta ħadet postha fil-Kunsill tal-Ewropa

L-għada, Ġorġ Borg Olivier indirizza l-Assemblea Konsultattiva tal-istess Kunsill fejn irrimarka li s-sħubija fil-Kunsill tal-Ewropa kienet għal pajjiżna bħallikieku konna qed nerġgħu lura d-dar wara assenza twila.

Fl-Elezzjoni Ġenerali li saret fl-1966 il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier reġa’ kiseb maġġoranza. Din id-darba maġġoranza ta’ 28 f’Parlament ta’ ħamsin siggu.

Is-snin ta’ wara l-1966, il-Prim Ministru Borg Olivier iddedikahom biex ġieb fuq pajjiżna prosperità li bħalha qatt ma kellna qabel, fejn kibru s-setturi industrijali u turistiċi, naqsu l-qgħad u l-emigrazzjoni u għola b’mod li ma jitfissirx il-livell tal-għajxien.

F’Diċembru 1970 Ġorġ Borg Olivier iffirma Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Komunità Ekonomika Ewropea – ftehim ekonomiku u politiku li kien iħares fil-bogħod għall-jum meta Malta tagħmel parti minn Ewropa Magħquda.

L-elezzjonijiet tal-1971, u l-1976 – għalkemm kompla żied fil-voti – il-Partit Nazzjonalista tilifhom it-tnejn. Fl-aħħar elezzjoni tal-1976, Ġorġ Borg Olivier kiseb għalih l-akbar numru ta’ voti li qatt ingħata mill-eletturi taż-żewġ distretti li jikkontesta.

F’April 1977 Ġorġ Borg Olivier irtira minn Kap tal-Partit, iżda xorta waħda baqa’ membru parlamentari. Baqa’ jattendi għas-seduti tal-Parlament sakemm saħħtu baqgħet tagħtih.

Ġorġ Borg Olivier miet ftit minuti qabel nofsillejl tal-Erbgħa 29 ta’ Ottubu.  Ħalla jibkuh lil martu Alexandra, lil uliedu Angela, Alex u Peter u lill-poplu Malti kollu.

Tul ħajtu Ġorġ Borg Olivier kien dejjem xempju ta’ onestà u rġulija.  Mill-Gvern kien mexxa lil pajjiżna ta’ Prim Ministru u mhux ta’ mexxej ta’ partit. Mexxa lil Malta għall-ġid tal-poplu kollu u mhux għas-sezzjoni li vvutatlu.

Fil-kariga tal-Kap tal-Oppożizzjoni baqa’ jkun kostruttiv u leali lejn il-poplu u lejn il-pajjiż bla distinzjoni politika.

L-istorja ta’ Borg Olivier bħala mexxej tan-nazzjon tibqa’ intrinsikament marbuta mal-istorja tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista li mexxa għal 27 sena minn rebħa għal oħra u li matulhom il-Partit Nazzjonalita kiber u ssaħħaħ.

Lil Ġorġ Borg Olivier ħadd ma jista’ jgħid deni fih, għaliex dejjem qeda dmiru.  U dejjem qies li f’ħidmietu jagħmel ħiltu kollha biex ma jagħmel ħsara lil ħadd.

Fuq kollox, il-ħidma li Ġorġ Borg Olivier għamel b’risq pajjiżna irrendietlu t-titlu li ħadd ma jista’ jeħodhulu: MISSIER MALTA INDIPENDENTI.