Lokali Qorti

Ħaddiema mħassba fuq il-kju li qed jinġema’ quddiem il-bini tal-Qorti fid-dawl tal-pandemija

Ħaddiema tal-Qorti jinsabu mħassba dwar il-kju twil li qed jinġema quddiem il-binja fid-dawl tal-pandemija relatata mal-COVID-19 li tinsab fl-aqwa tagħha.

L-Erbgħa filgħodu (kif juri r-ritratt) kien hemm paniku quddiem il-bini tal-Qorti, hekk kif dalgħodu kien innutat serbut twil ħafna ta’ persuni jistennew biex jidħlu. Ħafna minn dawk jistennew kellhom appuntamenti, relatati l-aktar ma’ kawżi tad-Distrett.

Ħaddiema li tkellmu ma’ NET News qalu li, għalkemm kemm ilhom fis-seħħ ir-regolamenti relatati mal-Coronavirus, suppost din il-massa ta’ nies kellha tonqos, xorta waħda qed ikunu nnutati kjuwijiet ta’ kuljum.

Madankollu s-sitwazzjoni ta’ dalgħodu kienet waħda straordinarja fil-pjazza ta’ quddiem il-Qorti bil-kju jibda sa minn wara l-monument tal-Assedju l-Kbir li qed jintuża wkoll bħala monument ta’ tifkira tal-ġurnalista maqtul Daphne Caruana Galizija.

Il-kju biex in-nies jidħlu l-Qorti dan għal aktar minn sagħtejn u ħafna qegħdin jistaqsu għaliex ċertu kawżi, l-aktar dawk relatati ma’ tad-distrett ma jsirux f’ħinijiet oħra jew għad-dirittura, jinstab post ieħor fejn dawn jinstemgħu.

Is-sitwazzjoni tal-pandemija ma ħafritx lill-Qorti fejn kien hemm xi ħaddiema, avukati u anke Imħallef partikolari li spiċċaw laqqtu l-virus. Il-ħaddiema qegħdin jaggħmlu minn kollox biex iħarsu lin-nies, imma hemm bżonn ta’ ppjanar aħjar biex l-affarijiet ma jeskalawx.

Persuni li weħlu fil-kju gergru għax beżgħu li, minħabba li weħlu fuq barra tal-binja, jistgħu jitilfu l-appuntament tal-kawża li kellhom skedata. Oħrajn qalu li dan id-dewmien jista’ jwassal għal aktar imxija tal-virus.