Lokali

“Id-diġitalizzazzjoni m’għandha tħalli barra lil ħadd” – MEA

Id-direttur ġeneral tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) Joseph Farrugia sejjaħ għal bidla fil-kurrikulu STEM biex dawn is-suġġetti jsiru aċċessibbli għal aktar studenti. Waqt li kien qiegħed jindirizza il-Forum Nazzjonali dwar l-Intrapriżi Żgħar (SMEs), Farrugia qal li Malta għandha ekonomija reżiljenti li kapaċi tinbidel fi ftit snin, iżda l-pajjiż jeħtieġ li jkun proattiv billi jwaħħad strateġiji ta’ diġitalizzazzjoni u taħriġ li jippreparaw għal futur aktar inklussiv.

Il-Forum Nazzjonali tal-SMEs ġab flimkien esperti minn oqsma diversi fl-industrija, is-settur pubbliku, u r-riċerka li għandhom speċjalizzazzjoni fit-trasformazzjoni diġitali u t-taħriġ. Il-kelliema iddiskutew l-impatt li qed iħallu teknoloġiji ġodda, bidliet fis-suq tax-xogħol, u s-sistema edukattiva fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-valur soċjali.

“M’huwiex aċċettabbli li jkun hemm 800 post tax-xogħol biex jimtela’ fis-settur tal-iGaming waqt li hemm mijiet ta’ persuni oħra li għadhom ifittxu impjieg,” qal Farrugia u tenna li l-ħiliet ġodda għandhom jaqblu mal-opportunitajiet li qed toffri l-ekonomija diġitali sabiex ħadd ma jitħalla barra.

Il-president tal-MEA Dolores Sammut Bonnici qalet li l-preparazzjoni għal kumpaniji aktar reżiljenti titlob investiment u sforz minn min iħaddem, iżda li dan stess jiftaħ opportunitajiet ġodda ta’ negozju u għall-kwalità tal-ħajja, fosthom, l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet favur il-familja li jtejbu l-esperjenza kemm għall-klijenti kif ukoll għall-impjegati.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri li qal li jekk il-kumpaniji ma jadattawx għal teknoloġiji u ħiliet ġodda, jispiċċaw imutu mewta naturali. Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo qal li Malta għandha l-aqwa kundizzjonijiet biex tattira niċeċ ġodda bħal high-performance computing, e-sports, u big data. Huwa qal li dawn il-bidliet jeħtieġu strateġija ta’ taħriġ ġdida li tinvolvi lis-setturi kollha.

Il-kelliema għall-Oppożizzjoni Kristy Debono wissiet li jekk il-pajjiż ma jappoġġjax lill-intrapriżi ż-żgħar fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom, dan iwassal għal qasma diġitali bejn kumpaniji kbar u żgħar.

Fil-messaġġ tiegħu, il-mistieden ewlieni Gerd Leonhard qal li l-magni eventwalment se jieħdu post ir-rutina, mhux l-impjiegi. Bħala Futurist, Leohard sostna li ħiliet umani bħall-kreattività, l-etika, l-intelliġenza emozzjonali, u l-kollaborazzjoni se jkunu kruċjali għax-xogħlijiet tal-ġejjieni.

Il-konferenza internazzjonali kienet imxandra lil udjenzi minn pajjiżi oħra fl-Ewropa, l-Afrika ta’ Fuq, u l-Lvant Nofsani. L-udjenza virtwali ipparteċipat ukoll waqt id-diskussjonijiet permezz ta’ mistoqsijiet u kummenti tagħhom.

Il-forum kien organizzat mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem bl-għajnuna tal-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment, u Intrapriżi Żgħar u tas-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali. L-attività tagħmel parti mill-programm tal-Ġimgħa tal-Intrapriżi ż-Żgħar li qed tfakkar il-European SME Week 2020.