Lokali

Il-PN isellem il-memorja ta’ Ġorġ Borg Olivier

40 sena ilu pajjiżna tilef l-ewwel Prim Ministru ta’ Malta Indipendenti, il-persuna li stinka tant biex Malta tkun sovrana – Ġorġ Borg Olivier.

Il-Partit Nazzjonalista l-Ħamis fakkar il-memorja tal-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Ġorġ Borg Olivier, permezz ta’ tqegħid ta’ kuruna tal-fjuri…u tislima mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li kien akkumpanjat mill-Viċi Kapijiet David Agius u Robert Arrigo, mis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech, mill-President tal-Eżekuttiv Alex Perici Calascione u mill-President tal-Kunsill Generali Ċensu Galea.

Ġorġ Borg Olivier twieled il-Belt Valletta fil-5 ta’ Lulju tal-1911 u ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo u fl-Università Rjali ta’ Malta, minn fejn iggradwa bħala avukat.

Hu daħal fil-politika fl-1939, meta ġie elett fil-Kunsill tal-Gvern u fl-1947 kien elett fl-Assemblea Leġislattiva f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Fl-1950, Borg Olivier inħatar Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-età ta’ 39 sena, wara l-mewt ta’ Nerik Mizzi, tliet xhur biss wara li sar Prim Ministru

Borg Olivier mexxa lil Malta għal żewġ perjodi differenti; mill-1950 sal-1955 u mill-1962 sal-1971 fejn  għamel talba formali biex Malta ssir indipendenti u għamel din il-kisba għal pajjiżna.

Kellu wkoll diversi taħdidiet mal-Gvern Ingliż, biex eventwalment il-Kostituzzjoni għal Malta Indipendenti għaddiet mill-Parlament u approvata mill-poplu f’referendum fi Frar tal-1964.

Nhar il-21 ta’ Settembru tal-1964 Malta saret uffiċjlament pajjiż indipendenti. Hu kien ħalla din id-dinja fid-29 t’Ottubru tal-1980 – eżatt 40 sena ilu – bil-poplu jagħtih tislima xierqa fil-funeral statli li sar fil-Belt Valletta.