Lokali

Il-President jappella biex l-iżvilupp f’Għawdex ma jsirx għad-detriment tal-ambjent naturali

l-President ta’ Malta George Vella saħaq dwar l-importanza li l-iżvilupp li jsir f’Għawdex ma jseħħx għad-detriment tal-ambjent naturali, li tant jikkaratterizza lil din il-gżira. Meta kien qed jindirizza ċ-ċerimonja annwali tal-għoti tal-Premju Ġieħ Għawdex, organizzata miċ-Circolo Gozitano u l-Ministeru għal Għawdex fir-Rabat, Għawdex, huwa fakkar li l-ambjent naturali huwa essenzjali mhux biss biex jiġu ppreservati l-attrazzjonijiet li hemm f’Għawdex u li jattiraw it-turiżmu estern u intern, iżda wkoll għas-saħħa fiżika u mentali tal-Għawdxin stess.

“Hemm bżonn li jinstab bilanċ sostenibbli bejn bini u proġetti ta’ kostruzzjoni ġodda, u l-ambjent li, wara kollox, għandna dmir u dover li nipproteġu, għalina u għal min ġej warajna. Issa, iktar minn qatt qabel, qed immissu b’idejna realtà fejn l-ispazji miftuħa u l-ambjent naturali huma bżonnjużi. Nappella, għalhekk, biex tingħata iktar attenzjoni lil dawn il-kunsiderazzjonijiet meta niġu biex nieħdu dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet,” qal il-President.

Il-President esprima l-apprezzament tiegħu għall-Għawdxin li kkomunikaw miegħu fl-aħħar ġimgħat dwar l-impatt li ċ-ċirkustanzi preżenti kaġun tal-imxija tal-COVID-19 kellhom fuq l-oqsma kummerċjali u soċjali f’Għawdex u, fuq kollox, fuq il-ħajja tal-individwi u tal-familji. Innota kif, bħal dejjem, l-ispirtu Għawdxi jibqa’ dejjem wieħed kumbattiv u li jara dejjem il-pożittiv fl-isfidi; “Naf kemm hemm sens ta’ inċertezza fuq il-ġejjieni hekk kif l-ivjaġġar turistiku kważi waqaf għal-kollox. Dan kellu, ovvjament, impatt dirett u indirett tista’ tgħid fuq kull qasam u fuq kull livell. L-element komuni li jgħaqqad dawn l-isfidi hija r-rieda li tintgħeleb din l-inċertezza,” qal il-President. Hemm bżonn li lkoll naħdmu lejn għan wieħed, li nkomplu nsibu soluzzjonijiet flimkien mibnija fuq id-diversifikazzjoni, il-flessibbiltà, u l-innovazzjoni. Fuq kollox, m’għandniex nitilfu t-tama li ma ndumux ma niġu lura għan-normal. B’xorti tajba, l-ispinta li ngħata t-turiżmu intern, voldieri dak ta’ bejn Malta u Għawdex, taffa xi ftit jew wisq minn dan l-impatt. Is-sbuħija naturali ta’ din il-gżira ġibdet eluf ta’ Maltin li, minflok ivvjaġġaw lil hinn minn xtutna, għoġobhom iqattgħu xi btajjel qosra hawnhekk.”

Waqt iċ-ċerimonja, li ilha ssir mill-2005, il-President ta’ Malta ppresjeda l-għoti tal-Premju Ġieħ Għawdex lil Chris Said u Justyne Caruana. Huwa rrimarka kif, tul il-karriera politika tagħhom – anki lil hinn minn kull ħatra jew titlu uffiċjali li kellhom – dawn iż-żewġ deputati parlamentari poġġew dejjem lill-komunità Għawdxija fuq quddiem nett ta’ ħidmiethom u baqgħu qrib in-nies.

Qabel iċ-ċerimonja, il-President, flimkien mas-Sinjura Vella, attenda għal Quddiesa Pontifikali solenni ċċelebrata mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma fil-Katidral ta’ Għawdex. Wara, huwa poġġa kuruna tal-fjuri quddiem il-mafkar tal-Arċipriet Saverio Cassar, li kien il-Kap tal-gvern ta’ Għawdex fi żmien il-Franċiżi u immedjatament wara t-tluq tagħhom.