Internazzjonali

It-tieni mewġa tal-Covid-19: L-Ewropa lura għal żmien il-lockdowns, fost inċertezza kbira …

Tnejn mill-akbar ekonomiji tal-Ewropa – Franza u l-Ġermanja – qegħdin idaħħlu sistemi ta’ lockdown fuq bażi nazzjonali; meta l-kontinent tal-Ewropa qed jikkonfronta spinta fl-infezzjonijiet – u imwiet – bil-coronavirus.

Iċ-ċittadini fi Franza qed ikunu permessi li joħorġu mid-dar biss għal xogħol essenzjali inkella għal raġunijiet mediċi. Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, qal, intant, li l-pajjiż ‘kapaċi jispiċċa mgħarraq mit-tieni mewġa tal-Covid-19 li, bla dubju, se tkun theddida akbar mill-ewwel mewġa’.

L-imwiet mill-Covid-19 fi Franza llum laħqu l-ogħla livell minn April – meta, nhar l-Erbgħa, kienu konfermati mas-37,000 każ ġdid u 244 mewta f’perjodu ta’ 24 siegħa.

Min-naħa tagħha, il-Ġermanja qed timponi stat anqas sever ta’ lockdown. Il-miżuri fil-pajjiż — li jidħlu fis-seħħ mit-Tnejn u jkomplu sat-30 ta’ Novembru — mhumiex ħorox daqs ta’ Franza, iżda l-Kanċillier Angela Merkel ikkonfermat li dawn jinkludu l-għeluq tar-ristoranti, il-bars, il-gymnasiums u t-teatri.L-aħħar rapporti mill-Ġermanja konfermaw 89 mewta u rekord ta’ infezzjonijiet (16,774) fi żmien 24 siegħa.

Sadanittant, l-infezzjonijiet bil-Covid-19 qegħdin jiżdiedu sew madwar l-Ewropa u meta r-Renju Unit, nhar l-Erbgħa, ħabbar 310 mewta ġdida u kważi 25,000 każ ġdid. Studju ġdid fl-Ingilterra qed jindika li ‘kważi 100,000 persuna qegħdin jaqbadhom il-virus kuljum’, fost il-pressjoni biex il-Gvern jibdel il-politika tiegħu minn waħda reġjonali għal waħda ‘nazzjonali’.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li l-Ewropa, issa, tinsab fl-eqqel tat-tieni mewġa tal-coronavirus u temmen ‘li l-Milied li ġej se jkun differenti minn tas-snin ta’ qabel’. Dan meta l-esperti qed ikomplu jwissu dwar ‘ir-rati ta’ infezzjoni allarmanti’ madwar il-kontinent.

Fi bnadi oħra tal-Ewropa….

Il-Polonja rrappurtat rekord ta’ infezzjonijiet u mwiet mill-Covid-19 għal jum wieħed. L-awtoritajiet tas-saħħa lokali kkonfermaw aktar minn 20,000 każ u ftit aktar minn 300 mewta – bil-Polonja qed timponi lockdown fuq livell ta’ ‘zona ħamra’ fit-territorji tagħha u li jinkludi l-għeluq parzjali tal-iskejjel privati u r-ristoranti.

L-Italja – ‘l-epiċentru’ tal-virus waqt l-ewwel mewġa tal-Covid-19 – diġà introduċiet restrizzjonijiet ġodda li jibqgħu validi għal xahar.Ir-ristoranti u l-bars madwar il-pajjiż iridu jagħlqu sas-6 pm waqt li t-teatri, is-swali taċ-ċinema, il-gymnasiums u l-pixxini wkoll iridu jagħlqu – għalkemm il-mużewijiet jistgħu jibqgħu miftuħin.

Spanja, intant, ilha mill-25 ta’ Ottubru għaddejja b’curfew effettiv għal kullimkien fost stat ġdid ta’ emerġenza. Ir-residenti tar-reġjuni kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gżejjer Kanarji, iridu jibqgħu d-dar bejn il-11 pm u s-6 am.

Ir-Repubblika Ċeka, intant, imponiet lockdown parzjali meta għandha l-agħar rata ta’ infezzjoni bil-Covid-19 (1,448 każ għal kull 100,000 persuna reġistrati fuq perjodu ta’ 14-il jum) fost il-pajjiżi kollha tal-Ewropa.

Il-Belġju, li għandu t-tieni l-akbar rata ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 minn fost l-Istati Ewropej, irrapporta l-akbar numru ta’ nies li kellhom jiddaħħlu l-isptar ( għal trattament tal-infezzjoni) mill-ġranet suwed ta’ April, meta kienet għaddejja l-‘ewwel mewġa’. Fil-preżent, 993 minn fost il-kważi 6,000 pazjent fl-isptarijiet qed jinżammu fit-taqsimiet għall-kura intensiva — bil-Prim Ministru Belġjan Alexander De Croo ifisser is-sitwazzjoni bħala waħda ‘kritika’.