Lokali

Jeħtieġ inħaffu l-pass lejn ekonomija bbażata fuq enerġija nadifa u sostenibbli – PN

Ma nkomplux naqgħu lura

Il-vokazzjoni ta’ Malta u Għawdex hija li ninvestu dejjem aktar fuq sorsi ta’ enerġija nadifa u rinnovabbli. B’dan igawdu l-familji tagħna u jgawdi l-ambjent ta’ madwarna. Din hija formula ‘win win’ li teħtieġ volontà politika soda u investimenti b’appoġġ għal inizjattivi privati.

Ryan Callus il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u Konservazzjoni u l-immaniġġjar tal-Ilma u Peter Agius il-Kelliem għall-PN permezz ta’ stqarrija qalu li propju f’dan il-kuntest, ir-risposta tal-Partit Nazzjonalista ‘Nissaħħu Flimkien’ għall-Baġit imressaq mill-Gvern toffri viżjoni alternattiva għall-Gżejjer Maltin imsejsa fuq futur sostenibbli.

Is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea tista’ tgħin lil Malta tavvanza l-pass lejn enerġija nadifa u sostenibbli. Iżda biex nagħmlu dan jeħtieġ ngħaddu mid-dikjarazzjonijiet għal passi aktar konkreti. Ninnotaw b’dispjaċir li l-Gvern waqa lura fil-kooperazzjoni fi ħdan il-‘Clean energy for EU islands initiative’. Minkejja l-istqarrijiet sbieħ tal-Prim Ministru, Malta għadha mingħajr pjan dettaljat għat-transizzjoni lejn enerġija nadifa. 22-il-gżira madwarna diġà ppubblikaw pjanijiet dettaljati fi ħdan l-inizjattiva ‘Clean energy for EU islands’ u bdew jimplimentawhom bil-ħsieb li jnaqqsu jew jeliminaw għal kollox l-emissjonijiet u jipproteġu l-ambjent naturali.

Din hija opportunità partikolarment għal Għawdex li jista’ jiggwadanja minn fondi apposta u expertise fi ħdan din l-inizjattiva filwaqt li jwettaq tassew il-pjan ta’ eko-Għawdex. Il-kooperazzjoni fil-qafas tal-Unjoni Ewropea tista’ tgħin lil Għawdex li jkun rappreżentat direttament f’inizjattivi bħal dawn u jżomm ma’ pjan għal transizzjoni enerġetika fuq żminijiet stabbiliti. Bil-parteċipazzjoni fil-fora Ewropej nistgħu naqsmu u nieħdu l-aħjar prattiċi u ideat minn gżejjer oħra komparabbli mal-gżejjer ta’ Malta u Għawdex. Hekk qed jagħmlu 22 ġżira madwarna. Sfortunatament, Malta u Għawdex jinsabu assenti u qed jitlfu din l-opportunita’. Nappellaw lill-Gvern li jfassal b’konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni, u jippublika mingħajr dewmien, il-pjan ta’ transizzjoni lejn enerġija nadifa fil-qafas tal-inzjattiva ‘Clean energy for EU islands’.

Fil-fatt, tlett snin ilu, il-Gvern kien ġia ħa l-impenn li jikkoopera fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex Malta tavvanza lejn enerġija nadifa, iżda issa qed jaqa lura fl-implimentazzjoni konkreta ta’ dak l-impenn u għadu ma ppublikax il-pjan dettaljat għat-transizzjoni lejn enerġija nadifa. Dan ma jawgurax tajjeb meta wieħed iqis il-progress meħtieġ f’bosta oqsma tal-ekonomija hadra u enerġija nadifa.

Il-Partit Nazzjonalista impenjat li jkun katalist fir-riformi kbar li jeħtieġ pajjiżna fis-settur tal-enerġija nadifa, li toffri opportunitajiet ġodda u futur sabiħ għaż-żgħażagħ Maltin.

Ikkummenta