Lokali

“Joe Cuschieri għandu jirriżenja immedjatament” – Repubblika

Repubblika tqis il-fatt li Joe Cuschieri aċċetta li Yorgen Fenech iħallasalu vjaġġ għal Las Vegas u li jkun ospitat ġewwa casino lussuż waqt li qed imexxi l-MFSA u xahar wara li spiċċa minn chair u kap eżekuttiv tal-Awtorità Maltija dwar il-Logħob (MGA) bħala ksur gravi ta’ etika professjonali u li jikkonferma li ma jixraqlux jokkupa dawn il-pożizzjonijiet.

Fi stqarrija huma qalu li jistagħġbu kif Cuschieri ma jistħix iġib l-iskuża li kien għadu kemm spiċċa minn mal-MGA.  Daqs li kieku xi ħadd isir ħabib daqshekk malajr li fi żmien xahar iħallaslu vjaġġ bl-ajru għal-Las Vegas u jirrangawlu biex joqgħod fil-casino lussuż Ceaser’s Palace.

Imġieba etika u professjonali titlob li wieħed ma jkollux dawn it-tip ta’ relazzjonijiet għall-perjodu wara li jkun temm il-ħatra.  Barra minn hekk, Joe Cuschieri kien qed jokkupa pożizzjoni pubblika ċentrali fil-qasam finanzjarju.

“Aħna ninsabu diżgustati b’dawn it-tip ta’ stejjer u nistennew azzjoni.”

Il-Gvern għandu wkoll l-obbligi tiegħu. Din l-istorja tkompli fuq il-famużi vjaġġi li Yorgen Fenech kellu mal-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta u l-inbid Petrus u l-arloġġ Bulgari li ta lil Joseph Muscat.  

Jidher li Fenech kien iħobb jivjaġġa ma’ uffiċjali pubbliċi.  Wasal il-mument li l-Gvern jara kemm hawn uffiċjali li siefru jew irċevew rigali mingħand Yorgen Fenech?

“Dan huwa mument tal-verità għall-PM Robert Abela.” 

Se jieħu passi jekk is-Sur Cuschieri ma jirriżenjax?  Jew se jagħlaq għajnejh bir-riskju li dan għandu fuq l-evalwazzjoni tas-servizzi finanzjarji li qed issir mill-Moneyval u l-impatt gravi ta’ rapport negattiv fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u s-servizzi finanzjarji?

L-istqarrija ttem tgħid li min ma jiġġilidx il-korruzzjoni huwa korrott. “Dan huwa li jagħmel ħsara lil Malta u mhux min jiġġieled il-korruzzjoni.”