Lokali

“L-iżvilupp irid ikun rifless ta’ pajjiż attraenti estetikament” – Bernard Grech

Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa li kellu mal-Assoċazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA.

Matul din il-laqgħa, Bernard Grech semma’ l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista mibnija fuq 12-il pilastru… viżjoni fejn il-persuna tkun fiċ-ċentru tal-politika. Għalhekk il-PN qed jagħmel patt politiku ġdid mal-imsħieħba soċjali kollha fosthom l-MDA

Bernard Grech tkellem dwar viżjoni fejn titkabbar l-ekonomija u jitħarsu l-postjiiet tax-xogħol. Hu qal li b’hekk biss nistgħu nipproteġu u nsaħħu lill-persuni u għalhekk flimkien insaħħu lil pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MDA Sandro Chetcuti feraħ lil Bernard Grech għall-kariga ġdida tiegħu bħal Kap tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li l-għan tal-MDA hu li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, fejn in-nies ikunu qed jieħdu pjacir jgħixu fil-pajjiż u fl-istess waqt tkun qed tikber l-ekonomija.

Sandro Chetcuti qal li l-isfida ewlenija tal- Assoċazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi hija li jkun hemm bilanċ bejn id-dritt tal-investitur u l-liġi preżenti.

Hu qal li bhala MDA jridu jaħdmu flimkien mal-Oppożizzjoni f’armonija u professjonalità biex finalment ikun hemm l-aħjar deċiżjonijiet għal pajjiżna.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm id-Deputati Robert Arrigo, Mario de Marco, Kristy Debono, Toni Bezzina, David Thake, Karl Gouder, Ivan Bartolo kif ukoll membri tal-Assoċazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin.