Coronavirus Internazzjonali

Lockdown fi Franza u l-Ġermanja

Tnejn mill-ikbar ekonomiji tal-Ewropa se jkunu qed jerġgħu jdaħħlu xi forma ta’ lockdown nazzjonali, hekk kif il-kontinent qed jiffaċċja żieda qawwija fil-każijiet u mwiet tal-COVID-19.

Minn għada, iċ-ċittadini kollha ta’ Franza se jitħallew joħorġu mid-dar biss għal xogħol essenzjali jew raġunijiet mediċi. Il-President Emmanuel Macron qal li l-pajjiż qed jirriskja li jkun “megħlub mit-tieni mewġa li bla dubju se tkun iktar iebsa mill-ewwel”.

Fi Franza, l-imwiet bil-Coronavirus huma fl-ogħla livell sa minn April li għadda fejn fl-aħħar aġġornament kienu kkonfermati 36,437 każ ġdid u 244 mewt.

Il-Ġermanja wkoll qed timponi lockdown nazzjonali li huwa ftit inqas strett minn dak ta’ Franza. Dawn jinkludu l-għeluq ta’ ristoranti, bars u teatri.

L-infezzjonijiet qed jiżdiedu drastikament madwar l-Ewropa, inkluż fir-Renju Unit li lbieraħ ħabbar 310 imwiet ġodda u 24,701 każ ġdid. Fl-Ingilterra, studju ġdid juri li kważi 100,000 persuna qed jieħdu l-virus kuljum. Issa bdiet ukoll issir pressjoni qawwija fuq il-Gvern ta’ Boris Johnson biex jimponi xi tip ta’ lockdown nazzjonali.