Coronavirus Ekonomija Lokali

Mil-lum jibdew il-miżuri l-ġodda

Mil-lum, ftit inqas minn 500 bar f’pajjiżna mhux se jiftħu bħas-soltu minħabba miżuri restrittivi ġodda li ħabbar il-Gvern ftit tal-jiem ilu. Dawn il-miżuri ttieħdu biex jitnaqqas it-tixrid tal-COVID-19 wara li pajjiżna ilu numru ta’ ġimgħat konsiderevoli jirreġistra numri allarmanti.

Dawn il-miżuri għall-bars u l-klabbs kollha jibdew mil-lum jibqgħu fis-seħħ sal-1 ta’ Diċembru. Dan filwaqt li snack bars jistgħu jibqgħu miftuħa, iżda mil-lum u sa Diċembru ma jistgħux ibiegħu alkoħol u għandhom ikunu magħluqa bejn il-11pm u l-5am.

Għalkemm dawn il-miżuri issa daħlu fis-seħħ, bosta sidien ta’ negozju ta’ dan it-tip jinsabu konfużi jekk jsitgħux jibqgħu miftuħa jew le għaliex numru ta’ bars f’pajjiżna li mhux reġistrati bħala snack bars iservu xi tip ta’ ikel. Dan meta l-avviż legali ppubblikat mill-Gvern jgħid biss li “l-bars u l-klabbs kollha m’għandhomx jinfetħu għan-negozju u għandhom jibqgħu magħluqa sas-6am tal-1 ta’ Diċembru, 2020.”

F’Malta u f’Għawdex hawn 489 stabbiliment reġistrati bħala bars u għalhekk iservu alkoħol biss, filwaqt li hemm 1,737 stabbiliment li jistgħu jservu kemm alkoħol kif ukoll ikel. Dawn jinkludu snack bars, gabbani u ristoranti. Jidher li kull stabbiliment irreġistrat bħala snack bar jew gabbana se jitħalla jopera imma taħt l-ebda ċirkostanza ma jista’ jservi l-alkoħol.