Lokali Qorti

Mixli li kellu fil-pusses tiegħu vann misruq

Raġel Libjan ta’ 47 sena, li f’Malta għandu żewġ residenzi, waħda fir-Rabat u l-oħra fiż-Żurrieq ġie mixli quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri li kien fil-pusses ta’ vann meta kien jaf li dan kien misruq.

L-Ispettur Sarah Zerafa qalet li Abdulsalam Ben Hamed li qal li huwa jaħdem bħal mekkanik u li għandu problema tad-droga kien ġie arrestat fid-9 ta’ Ottubru u ttieħed l-Għassa ta’ Raħal Ġdid fit-Taqsima wara li t-taqsima tal-RIU kien innutawh fi Triq Aldo Moro ipparkjat biċ-ċavetta fl-ignition.

Huma marru fuqu u ċċekkjaw id-dettalji tiegħu fejn irriżulta li kellu n-numri ta’ reġistrazzjoni misruqa minn fuq karozza oħra u l-vann kien bla liċenzja, Huwa ġie arrestat u ttieħed l-Għassa ta’ Raħal Ġdid fejn ken qal li l-vann kien xtrah erba’ ġimgħat qabel.

Huwa kien ġie mistoqsi kif ma sarx it-transfer u għaliex il-pjanċi kienu misruqin.  Għal-ewwel kien nesa minn fejn kien xtrah u wara qal li kien xtrah mingħand Sirjan li jismu Mohammed.

L-Ispettur Zerafa qalet li huwa kien ingħata l-Police Bail u nfurmatu biex iġib lil persuna li mingħandha kien xtara l-vann. Huwa kien qalilha li dan joqgħod il-Ħamrun, Wara li reġgħet kellmitu għarrafha li s-Sirjan kien siefer lejn Istanbul u kellu jiġu lura fl-24 ta’ Ottubru .

Huwa reġa’ ingħata l-Police Bail. Wara il-Caritas infurmaw lill-Għassa ta’ Raħal Ġdid li l-akkużat kien għaddej bi programm. Meta reġgħu kellmuh, huwa qal lil l-vann kien xtrah mingħand Libjan u mhux Sirjan, u li jismu Ibrahim.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-programm li qed isegwi bil-Prosekuzzjoni ma toġġezzjonax. Madankollu l-Qorti qalet li l-akkużat għandu fedina penali kkullurita u ma jidhirx li għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Kemm il-Prosekuzzjoni u d-difiża qablu li huwa jista’ jingħata l-pleġġ bil-kundizzjoni li jibqa’ għaddej bil-programm u f’każ li jonqos dan jerġa’ jiġi arrestat.

Il-Qorti xorta kienet xettika dwar dan u qalet li qed tiċħad it-talba iżda kienet se tinforma lid-Direttur tal-Ħabs biex ikompli għaddej bil-programm f’San Blas għall-ġid tiegħu. Ben Hamed ġie mixli wkoll li saq bla polza tas-sigurta bi pjanżi misruqa u li kiser diversi ordnijiet tal-Qorti.