Budget 2021 Coronavirus Lokali Saħħa

Nissaħħu Flimkien: Patt soċjali ġdid b’viżjoni soċjo-ekonomija mibnija fuq 12-il pilastru

“Il-PN qed iressaq viżjoni soċjo-ekonomija mibnija fuq 12-il pilastru li jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-pajjiż u l-iżvilupp tal-individwu sabiex il-persuna tkun verament fiċ-ċentru tal-politika tagħna.”, hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi għall-PN Mario de Marco waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ekonomija Claudio Grech.

Mario De Marco spjega li l-viżjoni soċjo-ekonomika tal-PN hija mibnija fuq 12-il pilastru:

  1. L-ewwel pilastru jiffoka fuq l-ambjent urban u kif nistgħu nittrasformaw żoni mitluqa fi green areas madwar żoni residenzjali fil-pajjiż.
  2. It-tieni pilastru jitkellem dwar il-kwalità tal-ħajja; bħala PN nemmnu li dan għandu jkun il-kejl tas-suċċess ta’ pajjiż. 
  3. It-tielet pilastru jaħseb għaż-żgħażagħ, li rridu narawhom fil-qofol tat-tmexxija mhux biss tas-settur privat imma anke dawk politiċi u pubbliċi.
  4. Ir-raba’ pilastru, l-investiment fir-riżorsi umani, aktar taħriġ għaż-żgħażagħ u attrezzati bl-aħjar mod possibli għall-ġejjieni.
  5. Il-ħames pilastru jitkellem dwar il-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi li jrendu pagi tajbin. Il-PN dejjem ħaseb biex ħoloq oqsma innovattivi li joffru pagi tajbin.
  6. Is-sitt pilastru tal-viżjoni soċjo-ekonomika tal-PN jisħaq fuq l-importanza ta’ rispett għal dak kollu li jagħmilna Maltin, il-patrimonju u l-kultura Maltija kapaċi jkunu karatteristika li jiġbdu t-turiżmu u l-investiment lejn pajjiżna.
  7. Is-seba’ pilastru fejn il-PN jisħaq li għandu jsir patt soċjali ġdid, u li tiġi introdotta l-living wage, bil-mekkaniżmu tal-Cola jkun rivedut mal-imsieħba soċjali.
  8. It-tmien pilastru jindirizza l-bżonn ta’ żvilupp soċjali u għaldaqstant inkunu qed nsolvu problemi soċjali b’mod ħolistiku.
  9. Id-disa pilastru jitkellem dwar l-irwol tal-mara fis-soċjetà, naraw kif se nneħħu kull forma ta’ diskriminazzjoni u ngħinuhom jilhqu l-ogħla karigi kemm fil-privat u fil-lat pubbliku.
  10. L-ghaxar pilastru huwa dwar Għawdex, dwar il-ħtieġa ta’ żvilupp soċjo-ekonomiku bi ħsieb għal Għawdex.
  11. Il-ħdax il-pilastru jitkellem dwar is-settur tal-agrikoltura u l-pajsaġġ Malti.
  12. It-tnax il-pilastru jindirizza l-ħtieġa ta’ aktar sigurtà, li naslu għall-verità dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, insaħħu l-istituzzjonijiet u l-governanza tajba f’pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, Claudio Grech appella lill-Gvern biex ma’ jibqax ipoġġi l-ekonomija u s-saħħa pubblika fuq miżien, kontra xulxin. Huwa qal li l-isfidi ekonomiċi jridu jiġu indiriazzati mingħajr ma’ tiġi ppreġudikata s-saħħa tal-poplu Malti u dan jista’ jsir biss billi l-Gvern jagħżel il-prioritajiet tiegħu sew u f’waqthom. 
Claudio Grech qal li dan il-budget kien opportunita’ f’waqtha biex pajjiżna jilqa’ ħafna aktar b’saħħa għall-impatt ekonomiku tal-pandemija. L-intrapriżi u s-self-employed jixiriqilhom u għandhom bżonn ħafna aktar appoġġ mill-€170 miljun allokati fl-estimi biex joħorġu minn din il-kriżi.
L-Oppożizzjoni terġa’ ttenni wkoll li f’dan il-perjodu ta’ tbatija finanzjarja l-Gvern għandu jagħti appoġġ ħafna akbar lill-intrapriżi u lis-self employed billi:

  • Jipprovdi għajnuna f’forma ta’ investment aid lill-intrapriżi u s-self-employed sabiex dawn jistgħu jagħmlu investimenti biex isaħħu l-operat u l-prodotti tagħhom.
  • Jagħti aktar għajnuna lill-intrapriżi u s-self-employed biex dawn itaffu t-telf mill-operat, fuq il-bażi tal-informazzjoni finanzjarja li jkunu ppreżentaw.

Claudio Grech tenna li l-Gvern għandu jagħti widen għall-proposti ta’ l-Oppożizzjoni b’rabta ma’ din is-sitwazzjoni sabiex jibqa’ jagħti priorita’ assoluta lis-saħħa pubblika għaliex b’hekk biss nistgħu nassiguraw li dawk is-setturi l-aktar kruċjali għall-pajjiżna jibqgħu għaddejjin u l-ekonomija terġa’ tibda tirpilja.

Din kienet l-ewwel minn sensiela ta’ konferenza tal-aħbarijiet fejn se jiġu ttratti l-pilastri kollha tal-viżjoni tal-PN f’iżjed dettall.