Lokali Qorti

Probation għal żewġt irġiel bil-għan li jsolvu problemi emozzjonali wara li ammettew serq ta’ fjuwil

Żewġt irġiel li f’Ġunju li għadda ammettew li serqu fjuwil minn pompa tal-petrol f’Sta Venera,u li kienu ngħataw il-libertà proviżorja sakemm isir rapport ta ’qabel is-sentenza, ingħataw probation għall-perjodu ta’ tliet snin bil-għan li jsolvu l-problemi emozzjonali tagħhom.

Maverick Vella ta’ 21 sena u Abraham Grima ta’ 37 sena, it-tnejn ta ’Ħal Qormi, ammettew quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia li wettqu s-serqiet f’erba’ okkażjonijiet.

L-irġiel kienu qegħdin jilgħabu ma’ sitt snin ħabs kull wieħed, imma l-fatt li urew it-rieda li jridu jibdlu ħajjithom aġevolahom u fil-fatt wara li sar il-pre-sentencing report ingħataw ċans li jibdlu ħajjithom.

Huma kienu daħħlu flus kontanti fil-magna, imlew, u mbagħad ħarġu l-karti tal-flus permezz ta’ biċċa tejp imwaħħla mal-flus. Din it-tattika rriżultat f’aktar minn € 233 ta’ fjuwil misruq.

Vella kien ġie mixli separatament li saq karozza Tata Indica bi pjanċi ta’ numri foloz, mingħajr liċenzja u mingħajr kopertura ta’ assigurazzjoni. Il-Qorti ordnat li Maverick Vella jiġi skwalifikat milli jkollu jew jikseb liċenzja tas-sewqan għall-perjodu ta’12-il xahar, It-tnejn kienu mill-ewwel ammettew l-akkużi u talbu il-ħelsien mill-arrest sakemm tingħata s-sentenza.

L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia, li assistew lil Vella kienu argumentaw li l-akkużat kellu xogħol fiss kif ukoll għandu familja ta li tappoġġah. Wara li semgħet sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet, il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia kienet laqgħet it-talba, kif għamlet ukoll fil-konfront ta’ Grima, li għalih deher l-Avukat Michele Cardinali. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Matthew Galea.   

Il-Qorti fis-sentenza tagħha wissiet lill-ħatja bi kliem ċar jekk huma jikkommettu reat iehor matul dan il-perjodu ta’ Probation jew jekk jonqsu illi jsegwu xi wahda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Ordni tal-Probation, huma jkunu jistghu jigu ikkundannati għar-reati li wettqu.

Minn naħa l-oħra huma  esprimew r-rieda taghhom li jikkonformaw mal-htigijiet ta’ din l-Ordni.  Il-Qorti qieset ukoll il-fatt li Vella u Grima ammettew fi stadju bikri tal-proċeduri.

Il-Qorti wissiet liż-żewġt irġiel  bi kliem car u semplici, li se jbatu l-konsegwenzi jekk huma jonqsu li joqgħodu mal-Ordni ta’ Trattament. Fil-pre-sentencing report dwar Vella, l-Uffiċjal tal-Probation Odelsie Bayliss ikkonkludiet li Maverick Vella għandu jaħdem fuq id-diffikultajiet personali tiegħu. L-aktar fuq l-affarijiet li wassluh sabiex iwettaq ir-reat in kwistjoni, fosthom in-nuqqas ta’ pjanar ta’ flusu.

Qalet li jkun adekwat ukoll li ssirlu evalwazzjoni psikoloġika sabiex jiġu identifikati l-problemi tiegħu bil-għan li jkun jista’ jiġi kkumpilat pjan ta’ kura fil-konfront tieghu.

Ingħad li Maverick Vella għandu jattendi s-servizz offrut mill-‘Embark for Life; sabiex jingħata għajnuna edukattiva fuq kif jista’ jqassam flusu b’mod aħjar, fil-waqt li jattendi ghal sessjonijiet ma’ psikologu/a fid-Dipartiment tal-Probation u l-Probation.    

Fir-rigward tal-imputat Grima, fil-pre-sentencing report l-Uffiċjal tal-Probation Sarah Bezzina qalet li meta kienet qed tħejji r-rapport ġie nnutat li l-problema prinċipali li għandu l-imputat hija l-ansjetà.

Huwa jinsab taħt kura fejn anke jiehu medikazzjoni. Għaldaqstant, huwa importanti li Abraham Grima jkompli b’dan it-trattament u jibqa’ jiġi segwit. Gie innutat ukoll li l-imputat għandu tendenza li jiġi influwenzat malajr mill-kumpanija li jkun qed jagħmilha magħha b’konsegwenza li jinvolvi ruħu f’atti kriminali.

Fiż-żewġ każijiet saret talba lill-Qorti biex l-imputati jkunu jistgħu jigu iggwidat kif ukoll assigurati li jieħdu l-għajnuna li għandhom bżonn sabiex izommu ’il bogħod mill-ħajja kriminali, liema talba kienet milqugħa mill-Qorti.

 .