Internazzjonali

Stati Uniti: Trump u Biden ikomplu bil-kampanji fl-Istat kruċjali ta’ Florida

Il-President Repubblikan tal-Istati Uniti, Donald Trump, u Joe Biden, l-isfidant tal-Partit Demokratiku għall-White House, jinsabu għaddejjin bl-aħħar fażi tal-kampanji rispettivi fi Florida. Dan l-Istat – fejn id-Demokratiċi sofrew sensiela ta’ diżappunti tul is-snin – għandu reputazzjoni bħala swing state kruċjali f’kull elezzjoni li saret għall-Presidenza tal-pajjiż.

Fl-aħħar sigħat spikkat ukoll id-differenza fil-politika ta’ Trump u Biden fir-rigward tal-coronavirus – bil-President Amerikan iħeġġeġ biex l-Istati tal-pajjiż ‘iwarrbu għal-lockdowns’ huma u jikkonfrontaw il-pandemija.

Mill-banda l-oħra, Biden – li ma jeskludix għal aktar lockdowns jekk jilħaq President – wiegħed ‘biex iħalli lix-xjenza tmexxi d-deċiżjonijiet tal-Gvern fl-interessi tal-poplu’.

L-imwiet mill-Covid-19 qed jiżdiedu f’39 Stati Amerikani waqt li qed imutu medja ta’ 800 kuljum ( b’kaġun tal-pandemija) madwar l-Istati Uniti.

Intant, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti deċidiet li l-voti (absentee ballots) li jkunu ntbagħtu bil-posta minn persuni li ma setgħux joħorġu jivvutaw personalment jistgħu jkunu aċċettati sa ftit jiem wara jum l-elezzjoni (it-3 ta’ Novembru) fiż-żewġ Stati importanti ta’  Pennsylvania u North Carolina.

Intant, il-votazzjoni tal-ġimgħa d-dieħla fl-Istati Uniti mhix waħda ‘esklussiva’ għall-Presidenza, meta l-Partit Repubblikan u l-Partit Demokratiku huma wkoll ansjużi dwar id-destin tas-Senat Amerikan – fejn ir-Repubblikani għandhom maġġoranza ta’ tliet siġġijiet biss.

Din is-sena, mal-35 senatur iridu jkunu eletti mill-ġdid, bl-osservaturi jaqblu li ħafna fost is-senaturi ‘stabbiliti’ qegħdin jissugraw li jitilfu posthom lil ħaddieħor.