Internazzjonali

ATTAKK FRANZA: It-terrorista daħal Lampedusa xahar ilu

It-Tuneżin li qatel kiesaħ u biered tlett persuni fi knisja fil-Belt Franċiża ta’ Nizza, wasal fl-Ewropa ftit tal-jiem ilu. Mill-ewwel investigazzjonijiet ħareġ li ż-żagħżugħ ta’ wieħed u għoxrin sena, kellu fil-pussess tiegħu dokumenti Taljani wara li wasal abbord dgħajsa f’Lampedusa ma immigranti rregolari matul ix-xahar ta’ Settembru.

Is-suspettat jinsab f’qagħda kritika wara li ntlaqat minn xi tiri sparati mill-Pulizija waqt li provaw jarrestawh.

Intant, il-President Franċiż Emmanuel Macron iddikjara dan il-każ bħala attakk terroristiku Iżlamiku, fejn inqatlu brutalment żewġ nisa u raġel – b’wieħed mill-vittmi jispiċċa b’rasu maqtugħa.

Għaldaqstant, Macron ħabbar li numru ta’ suldati ser ikunu qed jipproteġu l-postijiet pubbliċi tal-pajjiż b’madwar sebat elef suldat iżommu għajn viġilanti partikolarment fuq l-iskejjel u l-knejjes.

Dan kollu filwaqt li fi Franza ġie introdott it-tieni lockdown bil-għan li titrażżan l-imxija tal-Covid-19 bil-pubbliku ordnat jibqa’ d-dar għajr sabiex isir xogħol essenzjali jew għal emerġenza medika.