Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs għal Sudaniż fuq fastidju sesswali fil-konfront ta’ Maltija

Sudaniż ta’ 22 sena li m’għandux indirizz fiss ġie kkundannat erba’ snin ħabs mill-Maġistrat Astrid May Grima wara li ammetta li kkommetta fastidju sesswali mingħajr kunsens fil-konfront ta’ mara Malija.

Adam Saleh ammetta li beda jiffastidja lil mara fuq il-karozza tal-linja li kienet fl-inħawi ta’ Ħal-Luqa. Il-mara kienet niżlet mill-karozza tal-linja fejn Sky Parks, viċin l-ajruport internazzjonali ta’ Malta, b’Saleh jibqa’ jsegwiha u jkompli jifastidja fejn anke wettaq atti fuq il-persuna tagħha li mhumiex permessibbli.

Il-vittma bdiet tgħajjat u kien intervjena raġel li pproteġiha kif seta.’ Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Roderick Attard ikkonfermaw fil-Qorti li l-akkużat kien ħarab filwaqt li waslu fuq il-post il-ġenituri tal-mara.

Kienet bdiet tfittxija għalih u mill-vittma stess fil-preżenza tal-Pulizija, u f’ħin minnhom dan inqabad, bil-mara jirnexxielha tagħaraf lil Saleh. Meta tressaq fit-23 ta’ Ġunju li għadda, Saleh wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih iżda fil-15 ta’ Ottubru li għadda huwa ddeiċieda li jammetti.

Huwa nstab ħati wkoll li kkaġuna biża fuq il-mara, li kienet se tintuża’ vjolenza fil-konfront tagħha.  Il-Qorti ħarġet ukoll ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma għall-perjodu tra’ ħames snin. Huwa ntrabat ukoll biex ma jimmolestax, ma jinġurjax u ma jdejjaqx lill-vittma fuq garanzija personali ta’ €2,000.