Il-Gvern Franċiż żied il-livell tal-allert nazzjonali għall-potenzjal terroristiku għall-ogħla livell mill-2015-16 — meta diversi bliet f’dan il-pajjiż kienu qed iġarrbu l-attakki regolari mill-militanti Iżlamiċi. It-tensjoni fi Franza, intant, ma battietx, ġurnata wara t-terrur tal-Ħamis f’Nizza, fejn raġel spiċċa joqtol lil tliet persuni b’daqqiet ta’sikkina f’dik li qed tidher bħala azzjoni ġiħadista.
Il-poplu f’Nizza jinsab imbikkem u taħt xokk wara li żewġ anzjani tilfu ħajjithom f’dan l-attakk li seħħ fil-bażilika ta’ Notre-Dame – b’mara oħra tmut ftit wara li ġarrbet daqqiet ta’ sikkina fatali fl-istess azzjoni.
Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, ftit għandu dubju li l-attakki tal-Ħamis f’Nizza kienu xprunati ‘mill-aggressjoni tat-terroristi Iżlamiċi’. Dan waqt li l-Ministru Franċiż għall-Intern, Gerald Darmanin, qal li ‘Franza tinsab fi gwerra mal-ideoloġija politika tal-Islamiżmu militanti’.
Il-Gvern Franċiż qed iqis it-terroristi fl-artijiet tiegħu bħala ‘għadu intern u fl-istess ħin estrem’ – b’Darmanin jispjega li pajjiżu ‘mhux qed jiġġieled kontra xi reliġjon iżda kontra kunċett ideoloġiku li hu qattiel daqskemm hu brutali.’
Wara l-attakk tal-Ħamis f’Nizza, il-President Macron qal li Franza se tibqa’ temmen dejjem fil-valuri tal-ħelsien u valuri oħrajn tradizzjonali…’Dan filwaqt li l-Franċiżi mhuma se jċedu qatt fil-konfront tat-terrur.’
Il-President Franċiż kellu laqgħa ta’ emerġenza mal-Ministri ewlenin tal-Kabinett waqt li l-qawwiet għaż-żamma tal-liġi kienu qed iżidu s-sigurtà madwar il-knejjes u l-iskejjel tal-pajjiż.
Il-qtil faħxi f’Nizza kellu ‘eku’ tal-qtil barbaru li seħħ aktar kmieni fix-xahar f’subborg barra Pariġi – fejn għalliem tal-iskola li wera l-karikaturi tal-Profeta Mohammad lill-istudenti tiegħu spiċċa maqtul ‘speċifikament’ minn aggressur terrorista. Jidher li l-għalliem, Samuel Paty, kien immarkat għall-mewt mill-Iżlamiċi urtati għall-fatt li hu kien ‘insolenta’ lill-Islam permezz tal-karikaturi.
Il-President Macron, fl-istess ħin, qed jiddefendi bis-sħiħ id-dritt tal-Franċiżi biex jippubblikaw dan it-tip ta’ karikaturi, bl-atteġġjament tiegħu qed jirrabja lil diversi pajjiżi ta’ maġġoranza Musulmana.
Il-pulizija li, nhar il-Ħamis, wieġbu għat-terrur f’Nizza, spiċċaw iferu lill-aggressur – Tuneżin ta’ 21 sena identifikat bħala Brahim Aouissaoui – fost rapporti li hu spiċċa l-isptar f’qagħda kritika.
Fost il-vittmi tat-Tuneżin kien hemm mara ta’ 60 sena li spiċċat b’rasha maqtugħa waqt li kienet qed tistenna biex tisma il-quddies fil-bażilika. Intant, magħruf li r-raġel li tilef ħajtu fl-attakk feroċi kien ilu ‘il fuq minn għaxar snin jaħdem fil-bażilika ta’ Notre-Dame. It-tielet vittma ( mara) hi Brażiljana ta’ 44 sena li kienet ilha ħafna snin residenti fi Franza.
Sadanittant, il-prosekuturi fi Franza qed jgħidu li Brahim Aouissaoui, ix-xahar li għadda, kien wasal bħala immigrant fil-gżira ta’ Lampedusa fl-Italja u kien ordnat biex jitlaq lejn post ieħor wara li għamel perjodu ta’ kwarantina.
Jidher li t-Tuneżin, imbagħad, ivvjaġġa lejn Nizza bil-ferrovija u fejn instab li ma kellux dokumenti ħlief għal dokument mingħand is-Salib l-Aħmar fl-Italja. Filwaqt li l-uffiċjali fit-Tuneżija qegħdin jgħidu li Brahim Aouissaoui ‘ma kien imniżżel qatt bħala suspettat militanti Iżlamiku’, l-aggressur instama’ jgħajjat ‘Allahu Akbar’ diversi drabi qabel fetħu n-nar fuqu l-pulizija f’Nizza.
L-aggressur instab ukoll fil-pussess ta’ ktieb tal-Koran, żewġ telefons u sikkina kbira. Dan waqt li l-pulizija sabu basket – ukoll proprjetà tal-aggressur – li fih kien hemm żewġ skieken oħra li ma ntużawx fl-attakk tal-Ħamis.
Fi żvilupp ieħor, il-pulizija żammew taħt arrest lil raġel ta’ 47 sena li jaħsbu li kien f’kuntatt mat-Tuneżin inkwistjoni.
//= $special ?>