Lokali Qorti

Għaqdiet jitolbu l-Qorti tħassar il-ftehim dwar l-Aħrax u l-Miżieb

Sitt għaqdiet ambjentali jixtiequ ppreżentaw rikors quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva sabiex jiġi annullat il-ftehim fuq l-Aħrax u l-Miżieb li sar bejn il-Gvern u l-FKNK.

Żewġ kawżi separati iżda għall-istess għan ġew ippreżenati fit-Tribunal mill-Birdlife Malta, Moviment Graffitti, Din L-Art Helwa, Friends of the Earth (Malta), Flimkien Ghal Ambjent Ahjar u The Ramblers’ Association of Malta.

L-għaqdiet se jsostnu fil-Qorti li l-Awtorita’ aġixxiet b’mod arbitrarju, xejn trasparenti, diskriminatorju u nieqes mir-raġonevolezza, u li wettqet numru kbir ta’ żbalji proċedurali u li b’hekk aġixxiet lil’hinn mill-poter li tagħtiha l-Liġi.

Il-konsiderazzjonijiet mhux xierqa u irrelevanti li użat l-Awtorità tal-Artijiet meta ħolqot dan il-ftehim u tat din il-konċessjoni sejrin jostakolaw it-tgawdija tal-kampanja mill-pubbliku għal biċċa l-kbira tas-sena, u dan sabiex jiġu akkomodati minoranza żġħira tal-membri tal-FKNK.

Infatt l-għaqdiet qegħdin isostnu li l-liġi tal-Unjoni Ewropeja ġiet miksura meta l-Gvern ma għamel l-ebda’ studju sabiex jiġi determinat u meqjus l-impatt ambjentali ta’ din il-konċessjoni.

Qegħdin isostnu ukoll li l-liġi tal-Unjoni Ewropeja ma ġietx segwita meta dan il-ftehim ġie negozjat b’mod sigriet, għaliex b’hekk il-pubbliku ma setax jipparteċipa fit-tfassil tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar ta’ dawn iż-żewġ siti.

L-għaqdiet jemmnu li l-fatt li din il-konċessjoni ingħatat għas-somma ridikola ta’ €400, sabiex ftit kaċċaturi igawdu passatemp, sejjer jirriżulta f’kontribuzzjonijiet kbar mitlufa għall-Fond tal-Ambjent.

Il-ftehim qiegħed jiġi kontestat ukoll għaliex dan jorbot lill-Ministru responsabbli mill-kaċċa li jimpjega numru ta’ ‘conservation officers’ li sejrin ikunu taħt il-kmand tal-FKNK.

Izda ladarba Ministru ma jitqiesx bħala uffiċjal pubbliku mill-liġijiet tal-pajjiż, dan ma jista’ jimpjega b’mod dirett lil ħadd. L-għaqdiet qegħdin isostnu ukoll li dan il-ftehim jipprova inaqqar mill-protezzjonijiet li jeżistu għaż-żoni ta’ demanju pubbliku u li l-ftehim jikser kemm il-Liġi tad-Demanju Pubbliku u kemm il-Protokoll għall-Immaniġġjar taż-Żoni Kostali.

L-għaqdiet jixtiequ jikkonkludu billi iħeġġu lill-pubbliku jagħmel il-biċċa tiegħu u jappoġġja dawn l-isforzi billi jattendi id-dimostrazzjoni paċifika b’distanza soċjali li sejra ssir quddiem Kastilja, is-Sibt 31 ta’ Ottubru fl-10:00am.