Lokali

Il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri u Edwina Licari sospiżi

Il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri, kif ukoll il-konsulet ġenerali tal-MFSA Edwina Licari ssospendew lilhom infushom b’mod immedjat b’rabta mal-investigazzjoni dwar il-vjaġġ lejn Las Vegas imħallas min-negozjant Yorgen Fenech.

Dan tħabbar mill-Awtorita Maltija għas-Servizzi Finanzjarji fejn spjegat li kienu huma stess li ddeċidew li jieħdu dan il-pass minn jheddhom.

Dan filwaqt li l-Avukat Edwina Licari preżentat ukoll l-ittra tar-riżenja mill-Bord tal-FIAU lill-Ministru Edward Scicluna.

Fl-aħħar jiem ġie żvelat li lura f’Mejju tal-2018, Fenech kien ħallas vjaġġ minn butu u ħa miegħu lil Cuschieri, Licari, u lil Charlene Bianco Farrugia li kienet isservi ta’ assistent personali tal-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri.

Dan il-vjaġġ twettaq ftit tal-ġranet biss wara li Joseph Cuschieri kien inħatar CEO tal-MFSA wara li serva bħala Kap Eżekuttiv fi ħdan l-Malta Gaming Authority.

Dan kollu wara li l-Partit Nazzjonalista appella lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex jissospendi lil Cuschieri mill-pożizzjoni tiegħu wara l-aħħar żviluppi żvelati.

Mhux konfermat jekk Licari u Cuschieri ġewx sospiżi jew imġiegħla jissospendu lilhom nfushom.