Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad aktar minn 100 eċċezzjoni fuq it-tliet irġiel mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Qorti Kriminali ċaħdet il-118-il eċċezzjoni preliminari kollha magħmula mill-avukati difensuri tat-tliet irġiel akkużati li wettqu l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-aħwa Degiorgio Alfred u George u Vincent Muscat.

Fost l-eċċezzjonijiet saru diversi argumenti fuq sfilzar (tneħħija) ta’ provi bħal telefonati, emails u kuntatti oħra li skont l-akkużati m’għandhomx ikunu ta’ prova fil-ġuri.

Il-Qorti minkejja din id-deċiżjoni, qalet li l-akkużati kellhom dritt iqajjmu motivi ulterjuri fuq kwalunkwe evidenza ġdida li setgħet jew tista’ tinġieb quddiem il-kumpilazzjoni tal-qtil wara l-ħruġ tal-att tal-akkuża.

Fost dik l-evidenza, x’aktarx ikun hemm traskrizzjonijiet ġodda ta’ xhieda u kontro-eżami ulterjuri ta’ Melvin Theuma, l-intermedjarju li kien involut fl-assassinju.

L–akkużati qed jgħidu wkoll li xi esperti ma humiex ikkwalifikati biex jagħtu il-fehma taghhom, bil-Qorti tgħid li tali nuqqas irid jiġi determinat mill-provi, liema kwistjoni ghandha finalment tiġi rimessa għal-ġudizzju ta’ min hu imsejjaħ biex jiġġudika.

Dan ifisser illi x-xiehda u r-rapport ta’ dawn l-esperti ma jistax jitqies inammissibbli, kif qed jippretendu l-akkużati, izda din il-kwistjoni ta’ fatt għandha tiġi rimessa għall-ġurati, u dan wara li huma jiġu indirizzati mill-Imħallef li jippresjedi l-ġuri.

L-akkużati argumentaw ukoll illi dak konkluż minn dawn l-esperti
huwa msejjes unikament fuq xiehda ‘hearsay’ li hija inammissibbli u dan
għaliex jistrieħu fuq informazzjoni mgħoddija lilhom minn dawk li jipprovdu servizz, li r-rappreżentanti tagħhom qatt ma kkonfermaw bil-ġurament dina l-informazzjoni.

F’seduta preċedenti f’dawn il-proċedimenti, l-Imħallef Edwina Grima kienet irrimarkat li fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, id-difiża kienet stabbiliet 118 argument li l-Qorti riedet tindirizza b’mod sistematiku.

Tant kien hemm argumenti li l-Qorti kienet ordnat li kull wieħed jiġi ttrattat miż-żewġ partijiet qabel ma tgħaddi għall-oħra, u ma jkollux l-argumenti kollha kontra fl-aħħar, kif jiġri normalment.

Is-sentenza eżawrjenti li tirriżulta f’209 paġna ċaħdet l-eċċezzjonijiet kollha mqajma mill-Avukati kif ukoll dawk tal-Avukat Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tal-provi.

Madankollu tiddikjara li fl-istadju opportun, il-Qorti tindirizza lill-ġurati u tispjega l-kunċett tal-valur probatorju u l-piż li għandhom jagħtu lill-evidenza meta jiddeliberaw dwar verdett.

Il-Qorti ordnat lill-partijiet biex jikkonformaw mal-istruzzjonijiet tagħha dwar il-produzzjoni tal-provi, u qalet li fl-ebda mument matul il-ġuri m’għandu jkun hemm referenza għar-rekords kriminali tal-akkużat, ħlief dawk l-eċċezzjonijiet elenkati fil-kodiċi kriminali.

Il-każ ġie differit sakemm jingħata r-riżultat ta’ kwalunkwe appell eventwali jew, f’każ li ma jsirx appell, sakemm il-każ jinstema’ minn ġurija. Il-Qorti aġġornat il-każ sine die, sakemm isir xi appell jew sakemm jingħata l-bidu tal-proċess. It-tliet akkużati qalu li kienu se jappellaw. L-Avukati William Cuschieri u Marc Sant dehru għad-difiża.

Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia u Nadia Attard mill-Uffiċċju tal-AG mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukat Jason Azzopardi deher bħala parte civile.