Futbol Sport

Illejla fid-9:30pm fuq Net Television | George Mallia, lagħab 65 darba għal Malta u llum hu persuna non grata fil-familja tal-futbol Malti

George Mallia fl-azzjoni meta kien jilgħab ma' Malta

Ġimgħa wara l-oħra, ir-rokna tant popolari, ‘X’Sar Minnhom?’ li llha tixxandar għal aktar minn ħames snin konsekuttivi waqt il-programm ‘Replay Preview’ tal-Ġimgħa filgħaxija fuq Net Television, qed tlaqqgħana ma’ personalitajiet mill-passat tal-futbol Malti. Minn Settembru tal-2014 sal-lum, Christian Micallef intervista aktar minn 130 personalitá differenti; kemm jekk kienu plejers, kowċis, uffiċjali ta’ klabbs jew fl-MFA, referees u saħansitra anke ġurnalisti. Illejla, fil-programm ‘Replay Preview’, li jibda fid-9:30pm fuq Net Television, il-mistieden f’din ir-rokna se jkun l-eks plejer tat-tim nazzjonali Malti, George Mallia li llu aktar minn għaxar snin li rrtira mill-futbol milgħub.

Minn Settembru 2014 ‘l hawn, Replay għamel ‘il fuq minn 130 intervista ma’ personalitajiet differenti li huma kollha marbuta mal-istorja tal-futbol Malti, permezz tar-rokna ‘X’Sar Minnhom?’

Mallia beda’ il-karriera tiegħu ma’ Sliema Wanderers, iżda imbgħad kien trasferit għal ma’ Floriana. Minn mal-greens, hu kellu l-aħjar żmien tal-karriera tiegħu meta lagħab ma’ Birkirkara u fl-aħħar sena tiegħu hu lagħab għal staġun wieħed ma’ Qormi; il-klabb mill-lokalitá li hu għex fiha bħala tifel. Sfortunatament ma’ Qormi ftit li xejn kellu esperjenza sabiħa, u dan għaliex Mallia ħass li kellu jikser ir-regolamenti skont l-istatut tal-MFA, u jdaħħal lill-klabb fil-Qorti, wara li dawn allegatament ma onorawx il-ftehim tal-kuntratt li huma kellhom miegħu. Skont l-istatut tal-MFA, ħadd mill-familja tal-futbol ma jista’ idaħħal lil xi ħadd mill-istess familja fil-Qorti, u kull kwistjoni trid tiġi solvuta internament, madankollu Mallia ħass li kellu jagħmel mod ieħor b’konsegwenza li llum hu persuna non grata mill-assoċjazzjoni tal-futbol, wara li lagħab 65 partita mat-tim nazzjonali Malti u skorja ħames gowls. Dan il-każ wassal għal diskussjoni interna fl-MFA jekk dan ir-regolament fl-istatut huwiex ġust jew le, anke għaliex il-każ ta’ Mallia jidher li kien wieħed fejn l-affarijiet saru b’mod ġenwin.

Mallia se jkun qed jitellem dwar dan u dwar il-karriera sabiħa tiegħu bħala plejer, fejn fost oħrajn rebaħ tliet Kampjonati Premier ma’ żewġ klabbs differenti, f’Replay Preview tal-lejla, waqt intervista li saret fir-restorant tant popolari fis-Saqqajja, Il-Veduta. Dan mhux kollox.

Fil-programm tal-lum, ikun hemm diskussjoni dwar il-partiti skedati għal tmiem il-ġimgħa mis-seba’ ġurnata tal-Kampjonat Premier, waqt li naraw l-aqwa siltiet tal-partita li tkun għadha kemm intemmet, l-ewwel waħda tal-lum bejn Mosta u Santa Lucia. L-attenzjoni prinċipali se tkun fuq il-partita tal-ġimgħa, dik ta’ għada bejn Ħamrun Spartans u Gżira United, fejn it-tim ta’ Replay, saħansitra tkellem maż-żewġ kowċis rispettivi qabel dan il-konfront; Darren Abdilla u Mark Buttigieg rispettivament.

Ix-xenarju minn fejn jinġibed ta’ kull ġimgħa l-programm Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija, mir-restorant fis-Saqqajja, Il-Veduta.

Replay Preview jixxandar minn studio armat apposta fl-istess restorant, Il-Veduta, fl-isfond tax-xenarju tant sabiħ ta’ pajjiżna mill-għolja tas-Saqqajja. Illum, fir-raba’ programm ta’ din l-iskeda, se jkun hemm diskussjoni ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-COVID-19 u l-futbol lokali fil-mument, il-partiti pprogramati fit-tmiem il-ġimgħa minn National Challenge League kif ukoll ħarsa lejn dak li hemm skedat mill-Kampjonati ‘l kbar fl-Ewropa għal matul tmiem il-ġimgħa.

Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija qed jitwassal bl-appoġġ ta’ IZIBETIl-VedutaJ. Portelli ProjectsDoveChurchill Master Butchers u TESCOMA.