Internazzjonali

Lejn l-elezzjoni fl-Istati Uniti: Jispikkaw id-differenzi politiċi ta’ Trump u Biden rigward il-kriżi tal-Covid-19

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, u l-kandidat Demokratiku rivali, Joe Biden it-tnejn kellhom rallies sinifikanti fl-Istat ta’ Florida u fejn huma mill-ġdid enfasizzaw ‘id-differenzi ta’ politika’ fil-kriżi tal-coaronavirus.

Il-President ta importanza kbira ‘liċ-ċifri ekonomiċi li kisbet l-Istati Uniti taħtu’ u sostna li l-Amerikani ‘idiru joqgħodu attenti għall-avversarju tiegħu (Biden) li jrid jimponilhom stat ta’ lockdown’ minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19.

Meta fadal ftit jiem biss għall-elezzjoni Presidenzjali tat-3 ta’ Novembru, Joe Biden qed igawdi vantaġġ fuq Trump, skont l-istħarriġ popolari fuq bażi nazzjonali. Iżda l-indikazzjonijiet mhumiex daqstant ċari favur Biden fl-Istati l-kbar  (swing states) li kapaċi jħollu u jorbtu fir-riżultat finali tal-elezzjoni u li jinkludu Florida, Georgia u Pennsylvania.

Intant, laħqu vvutaw ‘il fuq minn 81 miljun Amerikan – 52 miljun minnhom bis-sistema postali – u meta jidher li l-Istati Uniti, fit-3 ta’ Novembru, għandha jkollha l-ogħla konkorrenza elettorali f’aktar minn seklu.

Fl-aħħar sigħat, Trump u Biden kienu qed ikomplu bil-kampanji rispettivi fir-reġjun tal-Midwest, li wkoll jista’ ikun strumentali għal ‘rebħa finali’.

Il-battibekki bejn l-isfidanti żgur ma naqsux fi Florida, bi Trump jakkuża lil Biden talli ‘qed jallarma wisq lin-nies fis-sitwazzjoni tal-coronavirus’ — bil-kandidat Demokratiku jakkuża lil Trump bħala ‘superspreader’, fis-sens li, l-President ‘qed iferrex il-virus aktar’ permezz tal-kampanji elettorali għall-massa fejn mhumiex jittieħdu prekawzjonijiet adatti.

Filwaqt li Florida rriservat diversi diżappunti kbar għad-Demokratiċi fl-elezzjonijiet presidenzjali tal-passat, Joe Biden qed jidher ottimist ħafna li l-istorja mgħandhiex tirrepeti ruħha. F’messaġġ partikulari lill-partitarji Demokratiċi Biden tenna li ‘rebħa fi Florida għalihom għandha tfisser il-konferma tal-Presidenza Amerikana’.

Daqstant ieħor ottimist kien Donald  Trump li, waqt rally fl-inħawi ta’ Tampa, insista dwar l-indikazzjonijiet ġodda, fuq livell federali, li l-ekonomija tal-Istati Uniti kbiret b’rata annwali – u bla preċedent – ta’ 33.1 fil-mija fil-perjodu bejn Lulju u Settembru.

Rebħa fi Florida għandha tkun kruċjali għal Trump fost indikazzjonijiet li hu jeħtieġ jegħleb biss distakk ta’ anqas minn żewġ punti perċentwali (ma’Biden) f’dan l-Istat.

Il-partitarji Repubblikani li attendew għar-rally kienu pakkjati ma’ xulxin mingħajr il-maskri tal-wiċċ iżda l-President sostna li ‘l-Amerikani mhumiex sejrin għal-lockdown għaliex fehmu dak kollu li jridu jifhmu dwar il-coronavirus u huma lesti biex ikomplu jaħdmu u jkattru l-ġid fuq bażi nazzjonali’.

Min-naħa tiegħu, Biden qal li ‘il-President Trump qata’ qalbu li jikkonfronta l-pandemija’ meta l-Istati Uniti għaddejja minn rata ta’ infezzjonijiet rekord sal-punt fejn avviċinat id-disa miljun każi konfermati. Joe Biden enfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ mandat biex kull Amerikan jilbes il-maskra ‘bħala dmir patrijottiku u mhux bħala xi stqarrija politika’.

Ir-rapporti komplew li Trump – li fl-aħħar sigħat tkellem ukoll waqt drive-in rally f’kulleġġ lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Miami — kellu jħassar avveniment politiku f’North Carolina, minħabba elementi mill-maltempata tropikali ‘Zeta’.

L-aħħar stħarriġ qed juri li Trump żied l-appoġġ fost il-‘Latinos’ – komunità importanti tal-Ispaniċi – fi Florida u bil-pronostiku anki qed jidher favorevoli għalih fl-Istat ta’ Nevada. Għalkemm Biden akkuża lil Trump ‘b’li ma jistax jiggarantixxi d-demokrazija’ għall-popli Latini, il-President wieġeb, minnufih li ‘id-Demokratiċi qegħdin jaħsbu biex jibdlu l-Istati Uniti f’xi Kuba komunista jew Veneżwela soċjalista’.

‘Il quddiem se jsiru rallies rispettivi għaż-żewġ kandidati f’Minnesota, li hi waħda mill-ftit Stati tal-Midwest li kienu vvutaw għal Hillary Clinton ( il-kandidat tal-Partit Demokratiku) fl-elezzjoni presidenzjali tal-2016.

Donald Trump qed jittama li, din id-darba, jieħu r-raġun bhu fil-Midwest – u meta Joe Biden qed ikompli għaddej bil-kampanja tiegħu fl-Istati ta’ Wisconsin u Iowa.