Lokali Parlament

Malta għandha tmur għall-enerġija rinovabbli

Ryan Callus, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus sostna li l-gvern għandu jimxi fir-direzzjoni tal-enerġija rinovabbli għaliex il-gass hu wkoll ikkunsidrat bħala aġent li jħammeġ.

Fid-dibattitu parlametnari dwar il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, Ryan Callus qal li fil-budget fis-settur tal-enerġija kellna kontinwazzjoni ta’ ċertu miżuri, l-maġġoranza tagħhom mibdija minn Gvern Nazzjonalista qabel l-2013; fosthom skemi ta’ inċentivi għall-istallazzjoni ta’ pannelli tax-xemx u solar water heaters. Dan huwa tajjeb, iżda m’hemm assolutament xejn gdid innovattiv għas-settur tal-enerġija ħadra u rinovabbli.

Is-settur tal-enerġija hu l-iktar settur li jikkontribwixxi għall-emissjonijiet waqt li s-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija pproduċa fl-2018 698 kilo tonnes, segwit viċin mis-settur tat-trasport b’662 kilo tonnes.

Hu qal li m’hemm xejn f’dan il-budget li jista’ jagħqlana mis-sitwazzjoni li ninsabu fiha għall-mod kif mistennija infallu fil-miri tagħna – m’hemmx pjan fit-tul – għalhekk budget li ma ħasibx għal għada.

Il-Gvern issottometta in-National Energy and Climate Plan (NECP) lill- Kummissjoni fl-2019 iżda ma ssemma xejn dwar din is-sitwazzjoni fil-budget kif se nilħqu l-miri li s’issa jidher impossibli li nilħquhom.

Għandna l-mira ta’ 10% tal-enerġija ġejja minn sorsi nodfa u rinovabbli sal-2020, iżda qiegħdin lejn l-aħħar tas-sena 2020 u għadna ma lħaqniex din iċ-ċifri kif wiegħdna li nagħmlu. Sal-2030, jidher li l-enerġija rinovabbli se tkun viċin it-13% meta l-medja Ewropea għandha tkun 27%; lanqas in-nofs, altru milli l-aqwa fl-Ewropa.

Ryan Callus kompla li sal-2050 l-istati membri kollha tal-UE għandhom ikunu climate neutral li hi iktar diffiċli li tintlaħaq mill-carbon neutral li semma’ l-Prim Ministru. Fl-aħħar tal-2019, il-Gvern daħħal il-NECP lill-Kummissjoni Ewropea, minkejja li kien jaf li ma kienx jilħaq l-aspettativi tal-Kummissjoni Ewropea.

Pajjizna se jbati għax il-fondi jaħdmu fuq il-prinċipju tal-enabling conditions – jekk l-inizjattivi ma jkunux inklużi fil-pjan, ma tiġix assenjat fondi għalihom – u b’hekk qiegħdin nirriskjaw li nitilfu miljuni kbar f’fondi għall-enerġija rinovabbli.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li jinsab informat li l-Kummissjoni Ewropea nfurmat lil Gvern li għandha riservi kbar fuq dan il-pjan għax il-proposti ma jilħqux il-miri tal-pajjiż – li sa 2030 innaqqsu l-gassijiet serra b’19% kumparat mal-2005 u li nżidu l-enerġija rinovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Dwar l-enerġija rinovabbli mir-riħ hu qal li meta l-Portugal u l-Iskozja kienu qed jaħdmu fuq żewg impjanti kbar ta’ offshore large scale wind farm iżda aħna konna mehdijin niftħu l-kumpaniji l-Panama u 17 Black biex għamilna biċċa korruzzjoni minn fuq dahar il-poplu. Dan huwa l-futur fis-settur tal-enerġija rinovabbli – iżda l-Gvern m’għandux idea.

Ryan Callus kompla li l-unika ħaġa li nafu hu li kellna proġett tal-irdieden tar-riħ fuq is-Sikka l-Bajda mwelled mill-Gvern Nazzjonalista. Il-Gvern beda jifraħ għall-qalba tal-powerstation tal-gas iżda l-Unjoni Ewropea llum tikkunsidra l-gass bħala aġent li jħammeġ u l-politika li qed tadotta, anke għall-iffinanzjar ta’ proġetti minn fondi Ewropej m’huwiex il-gass, iżda l-enerġija rinovabbli.

Din hija l-viżjoni tagħna – noħolqu settur li jista’ joffri xogħolijiet ta’ kwalità għaż-żgħażagħ kif ukoll opportunitajiet ġodda fis-settur marittimu. Min dan kollu ma smajna xejn fil-budget – xejn innovattiv ħlief inġeddu skemi li kienu fis-seħħ minn Gvern Nazzjonalista.

Hu tkellem dwar l-enerġija rinovabbli mix-xemx u qal li l-budget semma’ t-tariffa għad-dawl iġġenerat minn pannelli tax-xemx. Il-Ministru tal-Finanzi ħarab mir-realtà li qed jiffaċċjaw ħafna familji meta jiskadilhom il-kuntratt tal-pannelli tax-xemx. Is-sitwazzjoni llum hi li meta jagħlaq il-kuntratt, fejn kont titħallas 22 ċ jew 15ċ ta’ kull unit li l-pannelli jiġġenerawlek, il-ħlas ta’ kull unit jaqa’ għal 7ċ.

Li t-tariffa tinżel mal-għeluq tal-kuntratt wieħed jifhimha, iżda l-inġustizzja fejn qiegħda? M’għandux ikun li tibda tbiegħ lill-Enemalta 7ċ għal kull unit li tiġġenera mill-pannelli, meta biex imbagħad tiġi biex tixtri, l-Enemalta tiċċarġjak 10ċ5 tal-inqas unit, li jkompli jogħla hekk kif taqbes kull band.

Ryan Callus ppropona li l-familji tagħna jitħallsu tal-inqas, l-inqas rata li biha tixtri mingħand l-Enemalta – biex b’hekk tinbidel minn 7ċ5 għal 10ċ5 – żieda ta’ 3ċ għal kull unit iġġenerat minn enerġija nadifa. Fl-inċentivi għall-industrija, kien hemm biss kontinwità u xejn innovattiv.

Il-PN jipproponi skema li tagħmel tajjeb għall-interessi fuq self ta’ kapital biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jisselfu mingħajr piżijiet żejda u nimmassimizzaw l-ispazju limitat li għandna. Huwa evidenti li l-iskemi preżenti m’humiex attraenti biżżejjed biex inwasslu lill-privat jinvesti f’sistemi kbar.

Jeħtieġ issir konsultazzjoni għal liġi dwar id-drittijiet solari li twassal għal liġi u/jew inċentivi għal min tifel id-dritt għall-aċċess tax-xemx, jew saħansitra qatt ma kellu aċċess għax-xemx fl-ewwel lok.

Proposti oħra huma li l-karozzi tal-Gvern jkunu jaħdmu bl-elettriku u li ssir tariffa ta’ bil-lejl għall-użu domestiku. Huwa evidenti li l-Gvern m’ghandu l-ebda aptit, wisq inqas rieda politika, li jagħti priorità lis-sistema tad-dawl għaċ-charging ta’ karozzi elettrici.

Ryan Callus tratta l-korruzzjoni tal-Electrogas u qal li bil-korruzzjoni ta’ sentejn, nkunu nistgħu nħallsu għat-tieni interconnector.Fl-eventwalità li l-Gvern jattwa l-proposta tal-PN, għal large scale offshore windfarm, it-tieni interconnector jagħti security of supply u jagħmel tajjeb għall-intermittancy assoċjata mal-enerġija rinovabbli.

Ryan Callus tkellem ukoll dwar l-ilma tal-pjan u l-ilma bħala dritt uman u ppropona li l-funtani tal-ilma għandhom ikunu mandatorji. Hu qal li qed inħallsu €91miljun iktar fis-sena fil-kontijiet tagħna, li bl-€40 miljun taxxa li ħafer Konrad Mizzi stajna raħħasna l-kontijiet, li bit-€18 miljun penali posposti għal 18-il sena stajna ukoll raħħasna l-kontijiet u li kieku xtrajna il-gass direttament minghand il-produtturi minflok mill-electrogas u mbagħad mis-Socar stajna nraħħsu l-kontijiet.