Lokali

“Margaret kienet mara kuraġġuża u li tferraħ lil kulħadd”

L-aħħar tislima lill-attriċi Maragaret Agius.

“Kienet mara ta’ kwalitajiet mill-isbaħ b’kuraġġ kbir li taf tħobb lil kull persuna li tiltaqa’ magħha.”

Hekk kienet deskritta l-attriċi Margaret Agius minn Dun Godwin Preca waqt il-funeral tagħha li sar il-Ġimgħa wara li tilfet il-battalja kontra l-kanċer.

Dun Godwin qal li Margaret – il-mara tal-kompozitur popolari Ray Agius – kienet mara li iżżommok tħares lejha b’ammirazzjoni liema bħala, hekk kif għixet ħajjitha bl-aħjar mod possibli billi tferraħ lill-oħrajn minkejja t-tbatija li kienet għaddejja minnha tul dawn l-aħħar snin.

Maragaret tibqa’ popolari għal bosta produzzjonijiet televiżivi u teatrali li ħadet sehem fihom – fejn kemm-il darba nislitilna tbissima jew demgħa bl-interpretazzjonijiet impekkabbli tagħha.

Hija twieldet fl-Awstralja u ġiet tgħix f’Malta fl-età ta’ 7 snin fejn għal numru ta’ snin kienet ukoll edukatriċi.

Margaret kienet ukoll awtriċi fejn ippublikat żewġ kotba bl-isem ta’ “In Your Embrace” u “Il-Mitħna”. Bosta kienu dawk li sellmu l-memorja ta’ Margaret Agius fil-Knisja Ħniena Divina, in-Naxxar…fejn inghatat l-ahhar tislima.