L-industrija tal-kostruzzjoni u t-trasport huma pilastri prinċipali tal-ekonomija tal-pajjiż. Il-PN jemmen li huwa kruċjali li jinstab bilanċ ekwu bejn l-iżvilupp, il-kostruzzjoni u l-ambjent ta’ madwarna, setturi li għalkemm jidhru li huma konflinġenti, huma essenzjali u għalhekk, b’għaqal, ħsieb, ippjanar serju nistgħu inġibuhom jikkumplimentaw lil xulxin. Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet Nissaħħu Flimkien indirizzata mill-Kelliema Toni Bezzina, Edwin Vassallo u David Thake dwar it-12-il pilastru tal-PN fejn tkellmu dwar l-iżvilupp sostenibbli, l-agirkoltura u l-ambjent
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Toni Bezzina qal li l-ambjent urban nistgħu ninkorporaw fih aspetti ta’ ambjent naturali u elenka numru ta’ proposti fosthom li jsir ippjanar ħolistiku ta’ bini energy efficient, integrar ta’ żvilupp propost mal-ambjent tal-madwar, jiġu kkreati aktar spazji miftuħa, li l-finanzjament tal-iskema tat-tisbiħ ta’ spazji miftuħa f’żoni urbani jitla’ għal 100%, jissebbaħ l-ambjent naturali li ngħixu fih billi tiġi msaħħa l-infrastruttura f’kull lokal, l-irħula u bliet jiġu jiffurmaw parti integrali mill-ambjent naturali, investiment f’pedestrianisation u tisbiħ taċ-ċentri kollha tal-irħula, transport tal-komunità bla ħlas b’vetturi elettriċi biex jonqos it-tniġġis u aktar proġetti ta’ parks nazzjonali u proġetti ta’ afforestazzjoni.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura u s-Sajd Edwin Vassallo qal li l-PN jinsab impenjat li jaħdem biex jara li l-bdiewa, raħhala u sajjieda jirnexxu u jkollhom xogħol li jirrendilhom kwalità ta’ ħajja diċenti. L-iskop ta’ dan l-impenn se jkun sabiex niżguraw u niggarantixxu l-provvista ta’ ikel frisk kif ukoll ta’ aktar sostenn tal-agro-industrija li taħdem f’pajjiżna f’dak li huwa proċess ta’ manifattura ta’ għadd ta’ prodotti u sostenn bil-prodott lokali għall-industrija tat-turiżmu u tal-catering.
Sabiex isir dan, irridu nassiguraw li nipproteġu ż-żoni agrikoli u l-pajsaġġ naturali Malti, naddottaw il-miżuri li hemm bżonn minħabba l-bidla fil-klima u naħdmu sabiex il-bdiewa, raħħala u sajjieda jkunu mgħejjuna b’inizjattivi finanzjarji intiżi sabiex jiftħu aktar opportunitajiet għall-bdiewa, raħħala u sajjieda tagħna biex b’hekk nassiguaraw li ħadd ma jaqa’ lura.
Kelliem għall-Ambjent David Thake qal li t-tisħiħ tal-ambjent u t-tkabbir ekonomiku jeħtieġ li jimxu id f’id jekk irridu li l-livell tal-għajxien tal-poplu ma jkomplix imur lura bit-telf ta’ spazji miftuħa u tniġġis tal-arja u l-ambjent li ngawdu. L-ispazji miftuħa hemm bżonn nieħdu ħsiebhom u nassiguraw li jitgawdew minn kulħadd. Dan il-prinċipju se jkun wieħed mill-pilastri li fuqhom Gvern Nazzjonalista se jibni l-futur ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Pajjiżna hemm bżonn li jieħu bis-serjetà l-kollass tal-biodiversità nazzjonali kif ukoll l-impenn li pajjiżna għandu sabiex fi ftit snin oħra jsir carbon neutral.
Gvern Nazzjonalista ġdid jassigura li l-industriji u n-negozji jkunu attrezzati sabiex jaħtfu l-opportunitajiet kbar li din l-ekonomija ħadra se ġġib magħha u jgħin lill-familji tagħna sabiex huma wkoll jagħmlu l-investiment u l-għazliet li jwasslu sabiex pajjiżna jilħaq dawn il-miri. Ambjent san jfisser poplu b’saħħtu u għaldaqstant ma jistax ikollok ekonomija b’saħħitha mingħajr ma jkollok poplu b’saħħtu.
//= $special ?>