Lokali

“Robert Abela għandu jerfa’ responsabbiltà politika” – PN

Abela jiddefendi lill-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri

Wara li l-Partit Nazzjonalista sejjaħ għat-tkeċċija tal-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joe Cuschieri wara li ġie żvelat kif dan , ftit wara illi ġie maħtur Kap Eżekuttiv tal-Malta Financial Services Authority (MFSA),  mar fuq btala privata mħallsa minn Yorgen Fenech flimkien mal-istess Yorgen Fenech u serva bħala konsulent privat tiegħu, llum ġie sospiż mill-MFSA, u dan  sakemm issir investigazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista iżda jinnota kif ilbieraħ Robert Abela ddefenda fuq l-istazzjon tal-Istat lill-istess Joe Cuschieri u allura joħroġ ċar li bl-istess mod li Joseph Muscat kien lest li jissagrifika s-settur tas-servizzi finanzjarji biex jiddefendi lil Keith Schembri, Brian Tonna u Konrad Mizzi issa Robert Abela qiegħed jagħmel l-istess billi jiddefendi lil Joe Cuschieri minkejja d-dell iswed illi dan tefa fuq l-MFSA fi żmien fejn l-industrija tas-servizzi finanzjarji għaddejja mill-iktar perjodu diffiċli tagħha u qed tistenna l-konklużjoni tal-Moneyval.

Dan għaliex Robert Abela ma jinteressahx mir-reputazzjoni ta’ Malta fis-settur finanzjarju u lanqas mill-eluf ta’ impjiegi li jħaddem, u minkejja li dan hu mument mill-iktar delikat fejn is-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta ma jiflaħx ikollu dell fuq ir-regolatur tiegħu, għaliex Joe Cuschieri kien wieħed min-nies li tpoġġew f’kariga pubblika minn Joseph Muscat u li ġew ikkonfermati minn Robert Abela stess, ħareġ għonqu għalih.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi għalfejn Robert Abela ddefenda lil Joe Cuschieri?, Għaliex b’kuntrast ma’ dan, l-MFSA ġegħlet jew talbet lil Cuschieri jissospendi ruħu?, min se jkun qiegħed imexxi l-investigazzjoni fil-konfront tagħhom?, sejjer jinħatar bord indipendenti għal dan il-għan?, minn min huwa kompost dan il-bord?, kemm huwa tassew indipendenti minn Robert Abela dan il-bord li se jinvestiga persuna li ġurnata ilu l-istess Robert Abela ħareġ jiddefendi?

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsejjaħ lil Robert Abela biex jiddikjara meta sar jaf b’dan il-vjaġġ u għandu minnufih jitlob liċ-chairpersons tal-entitajiet pubbliċi kollha li jiddikjaraw pubblikament kull każ ta’ kunflitt ta’ interess bħal dan li jista’ jimpedihom milli jwettqu l-funzjoni tagħhom.

Robert Abela għandu jerfa ir-responsabbilta’ talli ilbieraħ iddefenda aġir indifensibbli bil-politika ta’ xejn mhu xejn illi qegħda tkompli ttappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u tqiegħed f’periklu eluf ta’ impjiegi ta’ ħaddiema.

Robert Abela jrid jgħaddi mill-kliem għall-fatti u juri li għandu d-determinazzjoni li jibda jsewwi l-ħsara kbira li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.