Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li aggredew persuna fuq vendetta bejn il-familji

Żewġ aħwa u ħabib tagħhom, li kienu għamlu rapport lill-Pulizija dwar raġel li kien qed jikser il-kundizzjonijiet tal-pleġġ peress li kien għadu barra wara l-ħin permessibbli, ġew ikkundannati 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li aggredewh hekk kif il-Pulizija naqset milli tieħu azzjoni

L-aħwa li jaħdmu għal rashom Michael u Daniel Pace, ta’ 36 sena u 28 sena, u Adrian Tonna ta’ 28 li jaħdem bħala electrician, kollha minn Birkirkara, nstabu ħatja mill-Maġistrat Nadine Lia li weġġgħu serjament lil Lineker David Micallef fi ġlieda li nqalgħet nhar it-Tlieta, 18 ta’ Awwissu, 2015 fil-11.30pm. barra mid-dar tal-vittma. Il-vittma kien spiċċa wkoll b’żewġ sinniet imkissra.

Dan kien każ ta’ vendetta li ilha teżisti bejn il-familji Pace u Micallef. Michael Pace għandu tifel minn oħt Micallef u madwar ġimgħa qabel l-inċident, kien qed jiġi allegat mill-akkużati minn Micallef, fejn skont huma dan heeded lil Michael Pace.

Dakinhar tal-inċidenti, l-imputati raw lil Mcallef idur fit-toroq, meta kienu jafu li kien barra bil-libertà proviżorja, u li kellu jkun id-dar sa ċertu ħin. Huma ċemplu lill-Pulizija biex jinfurmawhom dwaru, iżda aktar minn siegħa wara l-Pulizija kienu għadhom ma aġixxewx fuq ir-rapport tagħhom.

Huma marru jistennewh barra r-residenza tiegħu biex jaraw f’liema ħin kien se jasal id-dar. Hekk kif wasal u kien se jidħol id-dar tiegħu, huma aggredewh billi tawh xeba’.

Huma aggredewh waqt li mar jiftaħ il-bieb ta’ barra tad-dar tiegħu. Bħala konsegwenza tax-xeba ġie ikkonstatat li kien qed issofri minn griehi gravi. Lineker Micallef ittieħed mill-Pulizija fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta peress li kellu ġrieħi viżibbli fejn kien anke’ gie riferut l-Isptar ghal aktar testijiet. Huwa kellu żewġ ‘black eye’s u anke’ daqqiet f’rasu.  

Il-Qorti semghet li kemm il-Prosekuzzjoni  kif ukoll id-difiża li l-akkużati ma jimmeritawx piena ta’ ħabs effettiva. Il-Qorti ħadet ukoll in konsiderazzjoni għall-fatt li l-vittma għażel li jaħfer lill-imputati.

Madankollu l-Qorti qalet li ma jfissirx li l-imputati għandhom jigu eżonerati mir-reati li bihom gew akkużati jew li m’g]andhomx jerfg]u r-responsabbilitá legali ta’ l-aġir tagħhom.

“L-aġir tal-imputati għandu jitqies bħala riskju għas-soċjetà li jgħixu fiha u qatt m’għandu jinftiehem li maħfra tal-vittma twassal ghal xi amnestija”, qalet ilqorti li kompliet billi saħqet li l-glieda li wasslet għall-ġrieħi in kwistjoni kienet waħda mibnija fuq kwistjonijiet ta’ bejn il-partijiet, kważi kważi b’kapriċċ u minghajr ebda mottiv partikolari jew serju.

Dan qed jinghad peress li minkejja li Michael Pace, bil-ġurament, jagħmel diversi allegazzjonijiet dwar il-‘mottiv’ tal-aġir tiegħu, huwa jonqos milli jressaq prova waħda.

Il-fatt li wieħed mill-imputati għandu tifel mill-istess familja tal-vittma kellu, jekk xejn, iservi bhala raġuni aktar biex tkun imrażżna l-imġieba li wasslet għall-inċident, kompliet tgħid il-Qorti.

L-aġir tal-imputati li nasbu persuna quddiem ir-residenza tiegħu, tawh xeba li ħallietu b’feriti gravi huwa inskużabbli u inaċċetabbli. Il-Qorti tqis li l-imputati qatt ma tgħallmu mill-passat – anzi, uzaw l-istess passat bħala l-mottiv għall-aġir taghhom fil-futur.

Il-Qorti qalet li m’hi xejn konvinta mit-teżi tad-difiża li l-vittma ġab ix-xebgħa b’idejh. Bħal donnu qed jinghad li kien hemm provokazzjoni sal-punt li l-aġir tal-imputati ghandu jitqies skużabbli.

Għall-kuntrarju, pero’, jirriżulta b’mod ċar li dak in-nhar ta’ l-inċident lanqas kien hemm ebda forma ta’ kuntatt mal-vittma. Il-Qorti hija konvinta li l-inċident kien wiehed premeditat u maħsub bil-quddiem mill-imputati, u li, fil-mument li raw lil Lineker Micallef, fl-ebda ħin ma reġgħu lura mid-deċiżjoni tagħhom. Min-naha l-oħra il-Qorti ma tistax ma tqisx ukoll li l-imputati għandhom fedina penali kwaħi netta.  

Meta tressqu quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit hija kienet ordnathom jibqgħu ‘l bogħod minn kull attività marbuta mal-festa ta’ Birkirkara fi tmiem il-ġimgħa. L-Ispettur tal-Pulizija Luke Bonello mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għall-irġiel.