Internazzjonali

Terremot jheżżeż lit-Turkija u l-Greċja, fost l-imwiet u l-kroll tal-bini

Terremot qawwi li laqat f’zona tal-Eġew, ‘il hinn mill-kosta tat-Turkija, irriżulta f’qerda ta’ bini fil-belt Torka ta’ Izmir. L-impatt u l-effetti tat-theżżiża kienu simili qalb it-territorji tal-Greċja u fil-gżira ta’ Kreta.

L-aħħar rapporti qed jgħidu li mietu talanqas sitta, b’aktar minn 120 jisfaw midruba f’Izmir — fost indikazzjonijiet li krollaw tal-anqas 20 residenza u bini oħra fil-belt.

It-theżżiża mmarkat ‘seba’ fuq l-Iskala Richter, bl-epiċentru tagħha jkun indikat xi 16-il kilometru taħt l-art, ‘il hinn mill-provinċja ta’ Izmir. L-effetti nħassu wkoll f’Istanbul u f’Ateni, il-kapitali tal-Greċja.

It-theżżiża ġġenerat ukoll it-tsunami ( mewġ tal-baħar) li faqa’ l-inħawi ta’ Izmir u l-port ta’ Samos, fil-Greċja

L-ewwel ritratti u filmati minn Izmir urew it-tifrik ta’ bini li krollaw fit-theżżiża. Ir-residenti f’Izmir ħarġu jiġru fit-toroq – fost sinjali kbir ta’ paniku – mumenti biss wara li nħass it-terremot, u bil-filmati, wara, juru lin-nies qegħdin ifittxu għal oħrajn li x’aktarx li spiċċaw taħt it-tifrik tal-bini.

L-indikazzjonijiet fl-aħħar sigħat kienu li krollaw anki numru ta’ bini f’zoni oħrajn madwar l-epiċentru  tat-terremot, waqt li ħarġu l-avviżi biex in-nies jibqgħu ‘il bogħod miz-zoni qrib il-kosta.

Fost il-bini li ċedew f’Samos hemm il-knisja ta’ Panagia Theotokou, f’Karlovasi. Fl-istess ħin, ammont sinifikanti ta’ bini ġarrbu l-ħsarat strutturali jew spiċċaw bla dawl b’konsegwenza tat-terremot.

Jidher ukoll li l-gżira ta’ Kreta għaddiet min diversi tregħid tal-art b’kaġun tat-terremot li dam għaddej għal xi minuti.