Lokali Qorti

“Tiftaħx inkjesta bbażata fuq blog post” Peter Grech kien qal lil Silvio Valletta

Dwar dak li qal l-eks Kummissarju tal-Pulizija fl-Inkjesta Pubblika li kien lest li jmexxi fuq il-Bank Pilatus, iżda li l-eks Avukat Ġenerali Peter Grech żammu milli jagħmel dan, l-istess Grech qal li l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta kien avviċinah u qallu li l-Pulizija kienu qed jikkunsidraw inkjesta maġisterjali fl-2016.

“Jien għedtlu li ma nagħmilx dan sempliċement fuq il-bażi ta ‘blog post,” Aktar tard dik il-lejla, Valletta ċempillu biex jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu. U għal darb’oħra Grech qallu li mhux se jiftaħ Inkjesta Maġisterjali fuq il-bażi ta ‘blog post, wara li “xi ħadd telaq mill-bank”.

Il-blog post kienet ħarġitu Daphne Caruana Galizia filwaqt li l-Avukat Therese Comodini Cachia qaltlu li fl-istess lejl il-Prim Ministru ddeċieda li jitlob inkjesta maġisterjali.

“Ma kelli xejn x’jaqsam ma ‘dan,” wieġeb Grech. “Jien kont kontra li niftaħ inkjesta sempliċement għax xi ħadd deher joħroġ mill-bank. Sempliċement fuq il-bażi ta ‘blog post,” huwa insista. L-imħallfin reġgħu rrimarkaw li l-parir tiegħu kien li “ma tagħmel xejn”. Ħareġ ukoll li lanqas ġustifikazzjoni biex isir rejd fuq il-bank ma kien hemm.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-eks Avukat Ġenerali Peter Grech meta kien qed jixhed fl-inkjesta ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Bord ta’ Inkjesta preseduta mill-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino, l-eks Imħallef Michael Mallia u l-Imħallef Abigail Lofaro irid jistabilixxi jekk bl-aġir tiegħu l-istat setgħax evita l-omiċidju tal-ġurnalista.

Huwa stqarr li lilu ħadd ma tah id-dettalji ta’ x’kien għaddej il-Bank Pilatus dak il-ħin. Huwa ammetta li dan il-fatt kien aktar konverżazzjoni milli forma ta’ parir, imma tista’ ssejjaħlu parir.

L-eks Avukat Ġenerali ċaħad ukoll dak li qal l-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija u oħra li huwa xi darba qal lill-Pulizija biex imexxu bil-mod fuq xi każ hekk kif kemm il-darba Grech qal li huwa irid jiddeffendu is-sigriet professjonali tiegħu u li ma jistax jiżvela ordnijiet li kien ta fuq investigazzjoni. Qal li ċerta nformazzjoni kien lest li jagtħiha bil-magħluq.

Bħas-soltu l-inkjesta saret fl-Awla 20 bl-Avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi jidhru għall-familja Caruana Galizia. Huwa qal li sar Avukat fid-9 ta’ Settembru 2010. Tenna li l-predeċessur tiegħu Silvio Camilleri kien Chairman tal-FIAU, u hu ħadlu postu.

Kompla jgħid li Il-Bord jiltaqa’ darba fix-xahar u jiddetermina policy u affarijiet li jiġu riferuti lilu. Madankollu saħaq li ma kienx ikun jaf bl-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin bihom l-FIAU u li dan il-fatt joħroġ skont il-liġi fejn is-superviżjoni ġenerali tal-FIAU hija f’idejn il-Bord.

Kompla jgħid li l-Bord tal-FIAU jiġi nominat billi l-Avukat Ġenerali, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, iċ-Chairman tal-MFSA u l-Kummissarju tal-Pulizija jagħmlu n-nomini tagħhom u jissottomettuhom lill-Ministru tal-Finanzi u dan jagħżel wieħed minn kull lista. Iċ-Chairman u d-Deputat Chairman jintgħażlu mill-Prim Ministru.

L-Avukat Grech fisser kif l-FIAU tagħmel l-investigazzjonijiet, tara hemmx suspett raġonevoli u tgħaddi r-rapport lill-Pulizija. Kemm il-darba sar l-argument li billi r-rapport jista’ jispiċċa għand l-Avukat Ġenerali, jaf tkun problema billi l-AĠ jagħmel parti mill-FIAU.

L-Imħallef Abigail Lofaro staqsiet lill-Avukat Grech fuq l-impożizzjoni tal-multi fejn huwa tenna li dak iż-żmien ma kienx hemm appell mill-multi li twaħħal l-FIAU, imma jidhirlu li llum hemm il-Qorti tal-Appell inferjuri.

“Dawn ikunu multi amministrattivi u mhux ta’ natura kriminali. L-Uffiċċju tal-AĠ m’għadux jipparteċipa fil-bord tal-FIAU skont emendi li saru riċentament, fuq rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja” qal ix-xhud.

Ix-xhud qal li dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu bbażati fuq kwistjoni ta’ apparenza. Fil-verità, il-Bord ma jkunx involut f’li tagħmel l-FIAU sakemm ma jkunx hemm indikazzjonijiet.  L-FIAU kienet titmexxa minn Manfred Galdes u llum jitmexxa minn Kenneth Farrugia.

L-eks Imħallef Said Pullicino qal li hija kruċjali li l-Bord tal-Inkjesta jkun jaf jekk l-FIAU kinitx għaddejja b’investigazzjonijiet fuq ċerti persuni. Hawn ix-xhud qal li ma jafx hux se jidħlu fuq is-sigriet tal-FIAU jekk nidħlu fuq inkjesti.

Huwa qal li ma jaħsibx li dan hu sigriet statali u li x-xhud jista’ jitkellem fuq affarijiet li hemm fid-dominju pubbliku.  L-Avukat Comodini Cachia qalet lix-xhud li jrid jgħid meta l-Bord beda jinvestiga lil Keith Schembri u lil Adrian Hillman. L-Avukat Grech sostna li jista’ jixhed dwar dan fil-magħluq.

L-Avukat Maurizio Cordina li qed jirrappreżenta lil Grech qal li l-klijent tiegħu ma jistax jiġi mistoqsi fuq pariri li hu ta lill-Gvern bħala AĠ, bl-Bord tal-Inkjesta iwieġeb li mhux se jistaqsi fuq hekk.

L-Imħallef Emeritu Michael Mallia qara l-parir ta’ Peter Grech bħala AĠ tas-16 ta’ Mejju, 2016, li li jinġabru s-servers ta’ Nexia BT tkun “highly intrusive.”

Intelfet sena li l-parir tal-AĠ wassal biex il-Pulizija ma tagħmel xejn

Kompla jgħid lix-xhud, jekk hux konxju li b’dak il-parir, il-Pulizija m’għamlu xejn fejn intilfet żgur sena li fiha setgħet tittieħed azzjoni. F’din is-sena setgħu ġew imbagħbsa s-servers ta’ Nexia BT.

Il-Bord qal lix-xhud li qed jagħtih l-opportunità jiġġustifika dan il-parir bit-tweġiba tkun li m’għandu l-ebda problema jagħti informazzjoni, madankollu jrid il-permess tal-klijenti tiegħu li jikkummenta fuq dan.

Il-Bord fakkar lix-xhud li l-istess Bord tal-Inkjesta ngħata l-privileġġi kollha biex jindaga mill-Prim Ministru. Hawn Comodini Cachia qalet li “Grech kellu jinfurmana li hu mar għand il-Prim Ministru biex jeżentah mill-privileġġ legali.”

Meta staqsietu jekk marx, huwa wieġeb fin-negattiv. Comodini Cachia issuġġerriet li d-domandi jsiru xorta u l-Avukat Grech jgħid fuqiex jista’ jwieġeb jew le.

Għaldaqstant, il-mistoqsijiet ffukaw biss fuq il-parir ta’ l-Avukat Grech bħala AĠ li ssemma diġà fil-pubbliku. Tenna li dak il-parir kien rigward azzjoni partikolari fil-kors ta’ investigazzjoni, is-seizure of servers.

Ix-xhud qal li fit-2 ta’ Marzu, 2016, kien hemm blog ta’ Daphne Caruana Galizia li l-Kummissarju tal-Pulizija messu ordna investigazzjoni l-ġimgħa preċedenti.

Hi kienet indikat li d-dokumenti żgur kienu sparixxew kollha u l-Pulizija missha tiġbor is-servers ta’ Nexia BT illum qabel għada u żżommhom sakemm tintemm l-investigazzjoni.

Qal li għalhekk, ma jafx jekk it-talba għall-parir kinitx influwenzata minn dak li nkiteb fil-blogg. “Il-parir li tajthom jien ġie spinnat b’mod li għamilli ħsara kbira,” qal l-eks Avukat Ġenerali.

Saħaq li uża l-kelma “intrusive” għax qed jirreferi biex ma jindaħlux fil-privatezza tal-ħajja normali ta’ dak li jkun. “Li tmur f’kumpaniji tal- accountancy u tiħdilha s-servers, ovvjament hi intrusive measure,” huwa qal.

Kompla jisħaq li jekk hemm suspett raġonevoli, mhux eskluż li toħodha l-azzjoni, imma l-parir jgħid li peress li din hi miżura drastika, allura ara li għandek livell ta’ suspett raġonevoli li huwa sod.

Qal li jekk wieħed jieħu pass serju, dik li twaqqaf ‘accountancy firm’ li qed topera, ma jafx kienx hemm pass drastiku hekk. Kompla li forsi kien kawt. “Ikollok elementi ta’ prova li jiġġustifikaw jekk int tiġi sfidat għaliex ikkaġunajt dawn l-affarijiet.”

L-Imħallef Lofaro qalet li Grech uża t-terminu “suspett raġonevoli” biex jirreferi għall-FIAU. Tistaqsi x’inhi d-differenza bejn dak il-każ u dan. Staqsietu jekk is-servers setgħux inġabru għal ġimgħa biex jiġu analizzati u biex Nexia BT ma tagħlaqx bix-xhud iwieġeb li ma jafx il-Pulizija x’kellha.

L-Avukat Comodini Cachia ikkwotat mill-parir li ta x-xhud fl-2016 u dan b’referenza għar-rapport li jissemma fil-parir. Hawn Grech qal li kien ra l-konklużjoni tar-rapport, jew daru ta’ fuq fuq, u mhux daru fid-dettall. Tenna li ma jaħsibx li hu fid-dmir tal-Uffiċċju tal-AĠ li jiskrutinja r-rapporti tal-Pulizija.

L-Imħallef Lofaro tistaqsi b’tonalità soda, “il-Pulizija ġew għandek biex tiggwidahom. Ma tistaqsihomx allura eżattament x’għandhom, bħala l-avukat tagħhom?”

Aktar minn laqgħa waħda mal-Pulizija

Huwa qal li jiftakar laqgħa waħda mal-Pulizija. L-Imħallef Lofaro merietu billi qaltlu li l-Pulizija qalu lill-Bord li kien hemm aktar minn laqgħa waħda. It-tweġiba tax-xhud kienet li l-parir huwa purament fuq binarji legali, ma sarx eżerċizzju ta’ x’hemm u x’m’hemmx eżatt.

Kompla jgħid li  wieħed irid jara x’kien hemm available dak iż-żmien. L-Imħallef Lofaro qaltlu li ħadd baqa’ ma mar għas-servers ta’ Nexia BT. L-Avukat Peter Grech qal li hu importanti li l-Bord tal-Inkjesta jara l-inkjesta Egrant għax dan jaf jagħti perspettiva.  Irrepeta li fis-16 ta’ Mejju tal-2016 ma kellux stampa ċara.

Grech qal li fit-2 ta’ Marzu tal-2016, l-FIAU talbet id-dokumenti mingħand Nexia BT. Tmien t’ijiem wara saret talba oħra. L-FIAU kienet donnha qed tissuspetta li hemm iżjed dokumenti, qal Grech.

Qal li dan qed jgħidu mil-leaked reports. Fit-22 t’April, Nexia BT irrispondiet lill-FIAU billi qaltilha li m’għandhiex aktar dokumenti għax id-diversi ftehimi mal-klijent kienu kollha verbali. Wara s-16 ta’ Mejju tal-2016, ma reġgħux talbuh parir, huwa reġa’ qal.

L-Imħallef Lofaro baqgħet mhux sodisfatta bit-tweġibiet u kompliet tinsisti li l-kwistjoni hi x’seta’ nstab jekk inġabru s-servers ta’ Nexia BT mill-ewwel. Qal li ma jafx x’kellhom u ma kellhomx, imma dettalji tal-investigazzjoni… ħafna minnhom ħarġu sena, sentejn wara.

Dwar l-aħbarijiet li diġà kienu żvelati fuq il-Panama Papers meta ta l-parir tiegħu, qal li ma jidhirlux li ntwera xi fajl mill-investigazzjoni qabel ta l-parir tiegħu.

Meta ma jsir xejn tfisser impunità

Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino sostna li xtaq li jiffukaw fuq il-Panama Papers u qal li meta ma jsir xejn tinħoloq sistema ta’ impunità. Mistoqsija lix-xhud jekk kellux kuntatt mal-Ministru f’dawn iċ-ċirkustanzi, Grech wieġeb fin-negattiv.

Hawn l-eks Prim Imħallef qal li din “għalina inspjegabbli. Grech qal investigazzjoni hi f’idejn il-Pulizija, mhux f’idejn l-AĠ u li parir jagħtih meta jiġi mitlub, l-ebda avukat ma jmur jagħti parir mingħajr ma xi ħadd jitolbu, kompla jgħid.

Il-Bord qal li li kull min xehed fl-Inkjesta qal li qagħdu fuq il-parir tal-Avukat Ġenerali. Jgħidlu, allura, biex jispjega għaliex ta dan il-parir. Qal li meta tagħti parir qed tafda li l-klijent ġie għandek in good faith.

“Ma tistenniex li r-responsabbiltà se tintefa’ fuq l-avukat. Parir dejjem jibqa’ parir, mhux għax m’għandux valur… Li tmur titlob parir biex tistaħba wara dak il-parir, ma naħsibx li hija ta’ suffraġju,” huwa qal.

L-Avukat Grech tenna li l-argument donnu hu li kieku kulħadd kien ikun il-ħabs sal-2017 u l-assassinju ma kienx jiġri. Hawn it-tliet membri tal-Bord ma qablux miegħu.

Rigward l-elevar tas-servers qal, “m’għidtilhomx ma tistgħux tagħmluha, imma nifhmu li hi azzjoni daqsxejn skabruża fuq is-servers. L-Avukat Comodini Cachia tgħid li l-Prosekutur tal-Panama m’għamilx l-istess u mexxa, Grech jgħid li għandu jitqies il-kuntest lokali, mentri l-Bord tal-Inkjesta jgħidlu li f’dal-każ, trid tara x’ġara fil-kumplament tal-pajjiżi.

L-Imħallef Emeritu Michael Mallia jgħid li Malta biss baqgħet lura u li Malta ħadet isem ħażin minn kullimkien. Grech qal li l-Panama Papers qatt ma ġew fl-uffiċċju tal-AĠ.

L-Avukat Comodini Cachia qalet lix-xhud li kellu l-klijenti msemmijin fil-Panama Papers, peress li Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu parti mill-Gvern, u lill-Pulizija li għandhom il-fakultà jitolbuh il-pariri. Qalet li tifhem li ma kellux il-funzjoni li jinvestiga hu, imma li jkun l-Avukat tal-Istat, l-ewwel obbligu tiegħu hu li jħares l-interess pubbliku, l-interess tal-pajjiż.

Grech qal li l-Uffiċċju tal-AĠ dejjem mexa bil-premessa li jagħti parir meta hu mitlub. L-Imħallef Lofaro qalet lix-xhud li ġew għandu għal parir, imma ma tistax tifhem għaliex dak il-parir ma nbidilx, baqa’ l-istess wieħed, minkejja li ċ-ċirkustanzi nbidlu għall-agħar.

Grech tenna li l-parir hu flessibbli fih innifsu, għax hu ssuġġerixxa li jaraw li għandhom suspett sod qabel jieħdu azzjoni. Lofaro qaltlu li ladarba ċ-ċirkustanzi nbidlu, għaliex ma ssuġġerilhomx li jieħdu azzjoni.

Grech reġa’ qal għax ma talbuhx, bl-Imħallef Lofaro tgħidlu, “M’intix twiġibni, jiddispjaċini.” L-eks AĠ jgħid li l-parir ġie kkwotat bħala “go slow” fil-midja mhuwa minnu xejn.

L-eks l-Prim Imħallef Said Pullicino staqsa lix-xhud jekk l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kienx staqsieh għal parir, Grech qal li mhux ċert din tidħolx fil-kwistjoni tas-sigriet tal-professjonalità, bl-Imħallef Lofaro tgħidlu li kull ma ried jirrispondi huwa iva je le.

Peter Grech qal li l-laqgħat mal-Prim Ministru kienu ftit u aktar kien ikollu kuntatt mal-Ministru tal-Ġustizzja. L-Avukat Comodini Cachia staqsiet lil Grech kif kien jaf lil Silvio Valletta.

Qal li qatt ma kellu ħbiberija personali miegħu, imma kien ilu jafu fuq xogħol, peress li t-tnejn kienu ilhom fil-kariga rispettiva tagħhom. Jekk qattx iddiskutew rapporti tal-FIAU flimkien tenna li normalment rapporti tal-FIAU jmorru għand avukat ieħor fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, mhux għand l-AĠ innifsu.

Comodini Cachia qaltlu kif allura, mhijiex stramba li marru għandu għall-parir fuq is-servers ta’ Nexia BT, bi Grech jgħid li hu qatt ma rrifjuta lil xi ħadd li mar għandu għal parir.

Wara l-mistoqsijiet bdew isiru fuq il-parir li x-xhud ta lill-Bord tal-Accountancy, skont ma xehdu l-uffiċjali mill-Bord fl-inkjesta, li fl-2017, il-Bord ma ħax azzjoni kontra Brian Tonna u Nexia BT għax l-AĠ tahom parir jistennew li jintemmu l-proċeduri kriminali.

Dwar l-irwol ta’ Silvio Valletta fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Grech qal li l-problema f’dik il-kawża kienet li jekk tiġi dikjarata nulla l-investigazzjoni, kienx jibqa’ validu xogħol Valletta. Il-Qorti kienet qalet li għandu jibqa’ validu.

Jistqarr li hemm differenza bejn is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali u s-sentenza tal-ewwel Qorti. l-Avukat Comodini Cachia sostniet li meta xehdu fuq il-kuntratt tal-Electrogas, ukoll qalu li kienu qed jiddependu fuq il-parir tal-Avukat Ġenerali. Tistaqsi lil min kien qed jagħti parir l-AĠ.

Hawn huwa qal li l-Uffiċċju tal-AĠ kien qed jaġixxi bħala avukat tal-Ministeru tal-Finanzi. Billi l-ftehim kien kumplikat sew, u jinvolvi ħafna kumpaniji u banek, il-Gvern kien iqabbad ukoll avukati fil-privat, li kienu jikkorrispondu magħhom imma jikkupjaw lill-avukati tal-AĠ.

Qal pero li dan mhuwiex settur li normalment jaħdem fuqu l-Uffiċċju tal-AĠ. u li l-kumpanija l-oħra li kienet tirrappreżenta lill-Gvern kienet Camilleri Preziosi.

Fis-6 ta’ Diċembru, Steven Jorgenson wieġbu li l-abbozz ma speċifikax li kien hemm laqgħa tal-Kabinett u li jemmnu li għandu jsemmih dan id-dettall. L-avukat staqsietu huwiex normali li dan jaffettwa l-opinjoni tiegħu, li hu jibdel il-parir tiegħu. Qal li din hja prattika komuni, billi dan kien abbozz tal-parir, mhux il-parir finali.

Comodini Cachia saħqet fuq il-kliem użat fis-suġġett tal-email: Government Deal. Tistaqsih dwar kwistjoni li kien hemm li tinvoli l-Awtorità tal-Artijiet, iżda Dr Grech ma jiftakarhiex. Qal li l-kwistjoni tal-Electrogas damet sejra s-snin u involviet kwistjonijiet numerużi.

John Dalli

Comodini Cachia ikkwotat lill-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo li kien qal fix-xhieda tiegħu fl-inkjesta li flimkien mal-AĠ, kienu ddeċidew li jieħdu passi kontra John Dalli. L-eks Kummissarju Peter Paul Zammit, imbagħad, iddeċieda li m’għandhomx jittieħdu passi.

Dwar jekk hu kienx involut fid-deċiżjoni ta’ Zammit li ma jittiħdux passi.  L-eks Avukat Ġenerali qal li meta titkellem fuq dawn l-affarijiet, l-opinjoni tista’ tvarja. Tenna li l-parir li hu ta lil John Rizzo kien li kien hemm ċans raġonevoli li tittieħed azzjoni kontra John Dalli. Imbagħad kien f’idejn il-Pulizija tiħux passi jew le.

L-Avukat Comodini Cachia issa tistaqsi lix-xhud jekk hu kellux laqgħat mad-diretturi tal-Electrogas u kkwota email indirizzat lil Yorgen Fenech li fih jingħad li l-Gvern għadu qed jittrateni.

L-email jgħid: “Have you had a chance to discuss with the respective people within the government of Malta?” “Marcus I am working on it, I am confident it will be solved today,” wieġeb Yorgen.

Ix-xhud qal li li laqgħat ras imb ras mad-Diretturi qatt ma kellu, imma meta kienu jiġu l-bankiera minn barra, Yorgen Fenech kien ikun hemm. Kien ikun hemm hu u Dr Victoria Buttigieg, Alfred Camilleri mill-Ministeru tal-Finanzi, Catherine Halpin u Yorgen Fenech mill-Electrogas.

Rikors ta’ Yorgen Fenech sar biex ibeżża’

Fil-bidu tal-inkjesta l-Avukat Therese Comodini Cachia tkellmet dwar it-tieni rikors li għamel Yorgen Fenech biex ikollu kopja tax-xhieda li ngħatat bil-magħluq fl-inkjesta. Hija qalet li l-applikazzjoni ta’ Fenech hija magħmlula biex tbeżża’.

Comodini Cachia qalet li l-intenzjoni taż żewġ applikazzjonijiet bħal dawn hija li twassal messaġġ lil dawk il-persuni li qed jgħaddu informazzjoni lil dan il-Bord.

“Hija maħsuba biex tbeżża’,” qalet. “Aħna mhux qed ninvestigaw lis-Sur Fenech, peress li huwa l-inqas ta’ tħassib għalina. Huma Keith Schembri, Konrad Mizzi u persuni oħra esposti politikament li jinsabu fil-mira ta’ din l-inkjesta,” tgħid Comodini Cachia. Qalet li huma ppreżentaw tweġiba bil-miktub għall-applikazzjoni ta’ Yorgen Fenech li għandha tiġi miċħuda mill-Bord.

L-Inkjesta pubblika se tkompli nhar l-Erbgħa fis-2.00pm bix-xhieda tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg filwaqt li nhar il-Ġimgħa filgħodu mistenni jixhed l-eks Ministru Chris Cardona.