Futbol Sport

Tkompli tiħrax il-ġlieda fil-quċċata tal-klassifika, posposta Floriana v Birkirkara

(Ritratt: James Galea)

Mil-lejla titkompla s-seba’ ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier b’numru ta’ partiti interessanti fejn jispikka l-konfront mill-quċċata tal-klassifika bejn Ħamrun Spartans u Gżira United.

Wara l-bidu mpressjonanti li kellhom, Ħamrun Spartans fl-aħħar żewġ partiti ma kellhomx ir-riżultati mixtieqa hekk kif kisbu biss punt wara li sofrew telfa kontra Birkirkara u draw kontra Balzan. Gżira minn naħa tagħhom jinsabu għaddejijn minn forma tajba hekk kif kisbu erba’ rebħiet konsekuttivi u telgħu fil-quċċata tal-klassifika flimkien ma’ Ħamrun, Hibenrians u Sliema.

Wara r-rebħa kbira tal-ġimgħa li għaddiet kontra Lija, Hibernians jaffaċċjaw lit-tim neo-promoss l-ieħor Żejtun, fejn għalkemm fil-bidu dehret li se tkun diffiċli biex jaddattaw għall-ewwel esperjenza tagħhom fl-għola diviżjoni fl-aħħar partiti l-prestazzjonijiet tagħhom tjiebu u fl-aħħar ħarġa tagħhom kien gowl lejn it-tmiem ta’ De Assis li ċaħħadhom minn punt kontra Gżira. Hibernians urew s-superjorità tagħhom kontra Lija Athletic fl-aħħar partita meta kisbu rebħa ta’ 8-1, iżda l-konfront kontra Żejtun jistaż jkun wieħed diffiċli għat-tim ta’ Stefano Sanderra.

Sliema Wanderers jilgħabu kontra Balzan f’partita bejn żewġ timijiet li tista’ tkun diffiċli għat-tim ta’ Sliema li din is-sena jidher li se jkun qiegħed jisfida għall-unuri hekk kif jinsab b’saħħtu f’kull dipartiment tal-grawnd. Balzan sa issa offrew sfida lil kull avversarju li lagħbu kontrieh hekk kif għamlu kontra l-qawwa ta’ Ħamrun fejn irnexxielhom isalvaw punt fl-aħħar minuti tal-partita.

Valletta jittamaw li jirritornaw għar-rebħ kontra Senglea Athletic sabiex iżommu l-pass mat-timijiet li jinsabu fil-quċċata tal-klassifika. Għal Senglea se jkun qiegħed jiddebutta l-kowċ Clive Mizzi hekk kif ħa post il-kowċ Ryan Newell li se jibqa’ jservi bħala assistent kowċ ta’ Mizzi u se jkunu qed jittamaw li jiksbu xi ħaġa minn din il-partita hekk kif jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika b’punt wieħed biss.

Tarxien Rainbows kisbu l-ewwel tliet punti tagħhom dan l-istaġun fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra Senglea u żgur se jkollhom moral aktar b’saħħtu sabiex jaffaċċjaw lil Gudja United li kellhom bidu pożittiv għall-istaġun il-ġdid hekk kif minn sitt partiti rnexxielhom jiskbu 10 punti.

Mosta jilgħabu kontra Santa Lucia fil-partita li tiftaħ is-seba’ ġurnata. Santa Lucia jinsabu għaddejijien minn forma tajba hekk kif fl-aħħar tliet partiti kisbu żewġ rebħiet fosthom rebħa kontra Floriana u draw kontra Valletta. Għal Mosta din tista’ tkun ukoll partita importanti hekk kif b’rebħa jkomplu jsaħħu posthom f’nofs il-klassifika hekk kif jersqu qrib it-timijiet li jinsabu jiġġieldu għal post fl-Ewropa.

Il-partita bejn Sirens u Lija u Floriana u Birkirkara ġew posposti wara li kienu rrapurtati numru ta’ każijiet pożittivi ta’ coronavirus

KAMPJONAT BOV PREMIER

Illum: Centenary Stadium: Mosta v Santa Lucia 5.00pm, Żejtun C. v Hibernians 9.15pm Għada: Centenary Stadium: Tarxien R. v Gudja U. 2.00pm Hibernians Stadium: Floriana v Birkirkara posp., Ħamrun S. v Gżira U. 2.00pm Il-Ħadd: Centenary Stadium: Sliema W. v Balzan 2.00pm, Valletta v Senglea A. 6.15pm