Mara oħra f’pajjiżna mietet b’kaġun tal-Covid-19. Il-vittma kellha 80 sena.
L-anzjana ddaħħlet l-Isptar Mater Dei fid-9 ta’ Ottubru u ġiet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fit-13 ta’ Ottubru. Hija baqgħet tingħata kura fl-Isptar Mater Dei fejn mietet tard il-Ġimgħa filgħaxija.
Issa, in-numru ta’ fatalitajiet f’pajjiżna tela’ għal 62. Matul Ottubru biss kellna 27 vittma tal-Covid-19.
Fl-aħħar sigħat intant kellna 100 każ ġdid ta’ Covid-19, bl-ammont totali ta’ nies li fiequ huwa 4,315. Intant f’pajjiżna issa l-każijiet pożittivi minn Marzu ‘l hawn huma 6,259. It-total ta’ każijiet attivi issa huwa 1,836.
Dawn in-numri ġodda jikkonfermaw li l-pandemija għadha fostna ….u għadha b’saħħitha. Totalment l-oppost tal-impressjoni li kien prova jagħti l-Gvern xhur ilu.
Mill-każijiet imħabbra l-Ġimgħa ntqal li 20 każ instabu fost persuni li ħadu l-virus minn qraba tal-familja, 25 każ minn persuni fuq il-post tax-xogħol u 10 kuntatti kienu diretti ma’ persuni pożittivi bil-virus. 21 każ kienu sporadiċi.
Intant dan il-weekend huwa l-ewwel wieħed li fih ir-ristoranti qed joperaw taht ir-restrizzjonijiet il-ġodda tal-Covid – restrizzjonijiet li primarjament jolqtu l-bars u l-każini, li kellhom jagħlqu. Iżda anki għas-sidien tar-ristoranti hemm tibdil sinifikanti.
Fi tmiem il-ġimgħa, jekk wieħed imur jiekol f’ristorant, jaf jinnota li mhux se jkun possibbli jordna tazza inbid jew birra mal-ikel. Fil-fatt huwa stmat li 15% biss tal-istabbilimenti tal-ikel jistgħu iservu alkoħol. Dan għaliex uffiċjalment huma liċenzjati bħala “snack bars” – anomalija li kif spejga Net News aktar kmieni din il-ġimgħa, qed toħloq xi ftit ta’ konfużjoni fost in-negozji.
Skont stimi li saru mill-Assocjazzjoni tal-Catering, minn 4,000 stabbiliment tal-ikel se jkunu biss 600 li jistgħu iservu l-alkoħol.
Ir-restrizzjonijiet preżenti se jibqgħu fis-seħħ għal xahar sħiħ.
//= $special ?>