Futbol Sport

Gudja jkomplu jimpressjonaw b’ċinkwina fuq Tarxien

(Ritratt: Stephen Gatt)

George Cassar

TARXIEN RAINBOWS…….0

GUDJA UNITED……………..5

Tarxien R.: D. Fernandes, M. Spiteri, D. Zerafa (D. Falzon 66’), Eduardo, B. Muscat, K. Pulo (K Gatt 83’), Anderson, J. Debono (R. Pires 62’), M. Miranda Gomez, Vanger, V. Plut

Gudja U.: G. Zammit, J. Grioli, J. Farrugia (N. Micallef 46’), I. Gonzalez, J. Bolanos, P. Mota (L. Pisani 85’), L. Cremona, A. Friggieri (J. Brincat 79’), G. Mensah, Y. Messias, A. Caseres (T. Gusman 68’)

Skorjaw: A. Friggieri 26’, Y. Messias – pen. 33’, T. Gusman 76’, G. Mensah 88’, J. Brincat 91’ (G)

Imwissija: I. Gonzalez 38’ (G), V. Plut 39’ (T), P. Mota 74’ (G), M. Spiteri 80’ (T)

Referee: M. Spiteri

Assistenti Referees: A. Camilleri, M. Ciantar

Il-plejer tal-logħba: A. Friggieri (G)

Gudja komplew bl-istaġun pożittiv tagħhom meta xejnu lil Tarxien Rainbows u kisbu r-raba’ rebħa tal-istaġun. B’dawn it-tliet punti Gudja komplew jissieltu mat-timijiet ta’ fuq b’punt biss taħt it-timijiet tat-tieni post Gżira United u Ħamrun Spartans. 

Il-qawsalla tar-Rainbows li feġġet ġimgħa ilu wara r-rebħa konvinċenti fuq Senglea Athletic reġgħet sparixxiet hekk kif din id-darba kienu huma li sofrew ħames gowls li, kif ġara ġimgħa ilu wkoll, tlieta minnhom kienu skorjati fl-aħħar kwarta.

Gudja skorjaw l-ewwel gowl f’nofs l-ewwel taqsima meta Tarxien tilfu l-pussess f’nofs il-grawnd, Augusto Caseres avvanza u kien pront fetaħ lejn AIDAN FRIGGIERI li skorja b’xutt għar-rokna xellugija ta’ isfel tal-gowlkiper Daniel Fernandes. B’hekk kompla l-istaġun pożittiv taż-żagħżugħ ta’ Gudja f’dak li kien it-tielet gowl staġjonali.

Il-vantaġġ ta’ Gudja sar doppju fit-33 minuta meta Brandon Muscat ikkontrolla b’idu fil-kaxxa l-kross ta’ Aidan Friggieri u r-referee Malcolm Spiteri pponta lejn il-penalty spot. YURI MESSIAS għamel dmiru mill-ħdax-il metru u skorja t-tieni gowl ta’ Gudja u s-seba’ wieħed tal-istaġun biex b’hekk reġa’ tela’ jaqsam l-ewwel post tal-klassifika tal-iskorers ma’ Bojan Kaljevic ta’ Mosta.

Tarxien ippruvaw iżidu d-doża fl-attakk iżda fl-aħħar kwarta ta’ spiss inqabdu żbilanċjati u sofrew tliet gowls oħra li għamlu t-telfa tagħhom ħafna ikbar. Gudja serrħu rashom mir-rebħa kwarta mit-tmiem bit-tielet gowl meta minn korner ta’ Yuri Messias, is-sostitut TENSIOR GUSMAN kien fil-post eżatt biex skorja bir-ras.

Żewġ minuti qabel skorra l-ħin regolamentari kien hemm korner ta’ Tarxien li iżda ttrasforma f’kontrattakk ta’ Gudja fejn is-sostitut James Brincat avvanza u ta lejn GABRIEL MENSAH li wara li kellu l-ewwel xutt imblukkat, fit-tieni wieħed ikkonkluda fix-xibka.

Fil-ħin mogħti żejjed, JAMES BRINCAT żied gowl ieħor b’xutt sabiħ minn tarf il-kaxxa li dar preċiż għar-rokna tax-xibka biex għaqqad ċinkwina u f’dik li hi l-ikbar rebħa li qatt kisbu Gudja fl-istorja qasira tagħhom fil-Premier.