Futbol Sport

Ħamrun Spartans u Gżira United jaqsmu l-punti f’partita pjaċevoli

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Matteo Grima

ĦAMRUN S………..2

GŻIRA U……….2

Ħamrun S.: J.Debono, M.Guillaumier, J.Mbong, J.Soares (I.Iriberri 84’), Ige Abdullahi, E. Serrano Valero, J.Corbalan, P.Dordevic, K.Micallef (C), J.Barbosa (F. Sasere 13’), E.Marcelina.

Gżira U.: A.Curmi, G.Bohrer, S.Borg (C), N.Muscat, C.Escobar, N.Portelli (A.Cohen 64’), H.Kone, R.Correa, S.Borg, J. De Assis , R. Kooh.

Imwissija: De Assis (G), P.Dodrevic (H), E.Marcelina (H), E. Serrano Valero (H), G.Bohrer (G), R.Kooh

Skorjaw: R.Correa, R.Kooh, F.Sensare, P.Dordevic

Referee: Matthew De Gabiele

Assistenti Referees: Jurgen Spencer, Duncan Spiteri.

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Matthew Guillaumier.

BOV Plejer tal-logħba: Matthew Guillaumier.

Ħamrun Spartans u Gżira United ħadu punt kull wieħed f’partita mill-isbaħ li provdiet ukoll erba’ gowls. L-ewwel taqsima kienet mimlija azzjonijiet tant li l-gowls kollha waslu f’din it-taqsima, b’kuntrarju għat-tieni taqsima fejn iż-żewġ timijiet kienu aktar ikkonċentrati li jipproteġu l-punt minflok li jippruvaw jakwistaw it-tliet punti.

Kmieni fil-partita, Ħamrun bl-ewwel azzjoni tagħhom meta Mbong irċieva fuq il-lemin, qeleb fuq ix-xellug, bix-xutt tiegħu jgħaddi viċin tal-minduda.  

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota ta’ Gżira waslet ftit wara meta free kick ta’ Muscat kien salvat tajjeb minn Debono.

Wara 10 minuti logħob, Gżira marru fil-vantaġġ meta De Assis avvanza bil-ballun, qassam fit-tul lil RICCARDO CORREA li kkontrolla u għeleb lil Debono għal 0-1.

F’nofs l-ewwel taqsima, Correa b’ċans kbir li jirdoppja minn quddiem Debono iżda dan tal-aħħar jilqa’ b’mod stupend.

Wara nofsiegħa logħob, Ħamrun iġibu l-gowl tad-dro wara xogħol tajjeb ta’ Corbalan fuq il-linja xellugija fejn il-kross tiegħu sab lil FRANKLIN SENSARE li b’volley sab ir-rokna ta’ fuq tax-xibka. Madankollu dan il-gowl huma gawdewh għal erba’ minuti biss hekk kif freekick ta’ Kone sab lil RAPHAEL KOOH li minn taħt Debono tefa’ fix-xibka għal 2-1.

Fl-40 minuta, Ħamrun reġaw ġabu l-iskor indaqs meta PEDRAG DORDEVIC irċieva fil-kaxxa u b’xutt mill-isbaħ għeleb lil Curmi għal 2-2.

L-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima kienet għal darboħra ta’ Ħamrun meta wara li Corbalan avvanza tliet kwarti ta’ grawnd, il-ballun wasal għand Soares li f’sitwazzjoni ta’ wieħed kontra wieħed tefa’ barra.

Lejn l-aħħar tal-partita, korner ta’ Kone li wasal f’saqajn Borg kkontrolla tajjeb u dar, bix-xutt tiegħu spiċċa ferm għoli mill-lasti Ħamruniżi. Ftit wara kellna ukoll azzjoni perikoluża meta Sensare rċieva fil-kaxxa pero’ x-xutt tiegħu kien pjuttost fjakk u spiċċa f’gowl kick għal Curmi.