Futbol Sport

Hibernians ikomplu bil-wirjiet pożittivi

(Ritratt: Joe Borg)

Matthias Mizzi

Żejtun Corinthians……2

Hibernians………..…....3

Żejtun C. : I.Kone, D. Albanese, L. Gama, A. Carabott, D. Reid, M. Pereira, G. Bugeja (’61 D. Agius), R. Silva, E. Herrera, N. Tabone, R. De Fex (’85 J. Suda)

Hibernians: M. Calleja Cremona, F. Apap, L. Almeida, A. Attard, J. Grech, J. Degabriele (’85 K. Grech), D. Vella, G. Izquier, S. Shola, A. Agius, W. Teixeira (’73 R. Winchester)

Imwissija: ’14 M.Pereira (ŻTC), ’29 R. Silva (ŻTC), ’30 R. De Fex (ŻTC), ’46 D. Vella (HIB), ’47 W. Teixeira (HIB), ’70 F.Apap (HIB)

Skorjaw: ŻTC: ’36 (PEN) D. Reid, ’39 R. De Fex HIB: ’13 S. Shodija, ’17 J. Degabriele, ’84 (PEN) J. Grech

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: Duncan Sultana & Roberto Vella

Raba’ Uffiċjal: Emanuel Grech

BOV Plejer tal-Logħba: Rafael De Fex (ŻTN)

Minkejja s-saħħa tal-avversarji u n-numru ta’ tibdiliet li kellhom mill-ewwel ħdax, iż-Żwieten għarfu jkunu ta’ oppożizzjoni b’saħħitha għall-Pawlisti. Il-logħba ta’ Hibernians kienet waħda aktar tattika filwaqt li Żejtun iddipendew aktar fuq il-kontrattaki veloċi ta’ David Reid. Madankollu Żejtun reġgħu kienu sfortunati li ma ħadu xejn minn din il-partita.

Hibernians fetħu l-iskor wara li Jake Grech lemaħ ġirja tajba mal-lemin ta’ Shodija li kkonkluda b’xutt angolat fil-baxx. Mas-sbatax-il minuta logħob Degabriele rdoppja l-iskor billi qabbeż il-ballun minn fuq il-goalkeeper avversarju, bil-ballun jispiċċa ġox-xibka.

Fis-36 minuta David Reid deher jaqa’ fil-kaxxa u r-referee inkarigat Stefan Pace saffar għal penalty. Mill-ħdax-il metru l-istess plejer ma żbaljax. Reazzjoni għal dan il-penalty kontroversjali Hibernians dehru mifxulin biex Żejtun ħatfu l-opportunità u qamu għall-okkażżjoni b’aktar determinazzjoni.

Tliet minuti biss wara u t-tim ta’ Orosco ġab l-iskor indaqs permezz ta’ xutt minn barra ‘l kaxxa ta’ Rafael De Fex.

Fit-tieni taqsima, iż-żewġ timijiet ħarġu aggressivi u bi grinta li jerġgħu jiskurjaw biex fit-62 minuta Ricardo Silva prova jittanta xortih b’xutt b’saħħtu minn barra ‘l kaxxa. L-aħħar għaxar minuti tal-partita kienu interessanti ferm biex Jake Grech reġa’ tefa’ fil-vantaġġ lil Hibernians permezz ta’ penalty. Żewġ minuti wara l-plejer ta’ Żejtun Diego Albanese ra t-tentattiv tiegħu minn corner milqugħ tajjeb minn Calleja Cremona.

Fit-88 minuta Hibernians fallew milli jagħlqu l-logħba kmieni wara li Winchester falla milli jegħleb lil Kone mill-viċin. It-tentattivi tal-aħħar għal Żejtun ma sarrfu fl-ebda gowl biex għalhekk Hibernians akkwistaw tliet punti importanti oħra minn din il-logħba li jħalluhom jissiltu ma’ ta’ fuq.