Lokali Qorti

Il-Qorti ma’ tilqax talba tal-AĠ biex koppja mixlija b’ħasil ta’ flus ma tibqax bil-libertà proviżorja

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja ma laqgħetx talba tal-Avukat Ġenerali biex koppja li kienu ġew mixlijin quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq b’ħasil ta’ flus ma jibqgħux bil-libertà proviżorja.

L-Avukat Ġenerali appella fil-konfront ta’ Clint Vella u s-sieħba tiegħu Sylvana Fenech, it-tnejn ta’ 24 sena u t-tnejn mill-Mosta li qegħdin iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

L-Avukat Ġenerali kien qed jargumenta fuq il-bażi tal-biża fil-kontaminazzjoni tal-provi liema talba qalet id-difiża qalet li dan l-argument ma jreġiex. Kull ma għamlet il-Qorti hija li varjat il-kundizzjonijiet mogħtija mill-Ewwel Qorti fosthom li minn darba fil-ġimgħa jibdew jiffirmaw fl-Għassa tal-Pulizija darbtejn fil-ġimgħa, li fil-konfront tar-raġel irid ikun id-dar sal-11.00pm. u ma joħroġx qabel is-6.00am.

Fil-każ tad-depożitu dan minn €2,000, tela’ għal €5,000 u d-depożitu jibqa’ ta’ €20,000 kif kien ġie deċiż mill-Qorti tal-Maġistrati. Il-koppja tressqet il-Qorti għax skont il-Prosekuzzjoni huma kienu qegħdin jgħixu ħajja li tiżboq il-meżżi tagħhom.

Huma qed jiġu mixlijin ukoll li evadew it-taxxa tad-dħul bid-difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono li flimkien Marion Camilleri u Francesca Zarb qed tikkontesta l-argument tal-ħasil ta’ flus u qalet li dan huwa forsi każ ta’ evażjoni ta’ taxxa.

Fis-sottomissjoni tiegħu għall-ħelsien mill-arrest li ntlaqgħu, l-Avukat Franco Debono kien qal f’każijiet ta’ evażjoni ta’ taxxa dawn normalment jiġu riżolti b’mod amministrattiv.

L-Ispettur Oriana Spiteri qalet fil-Qorti li l-koppja kkonvertiet propjetà għal għan kriminali u li qalet li tpoġġew €90,000 f’kont bankarju. Qalet ukoll fl-2014 huma xtraw propjetà bejniethom u l-fatt li Clint Vella kien qed jaħdem bħala ‘driving instructor’ meta kien imniżżel bħala diżokkupat. Il-mara hija ‘hairdresser’.

Clint Vella qed ġie mixli wkoll li kien jaħdem mingħajr ma nforma lill-awtoritajiet u kien qed jaħdem bla liċenzja tal-professjoni li kien qed jeżerċità.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet minn Oriana Spiteri mgħejjuna mill-Ispetturi Claire Borg, Keith Mallan, Danilo Francalanza u mill-Avukat Andrea Zammit għan-nom tal-Avukat Ġenerali.