Futbol Sport

Inter jiksbu punt wara rimonta ta’ żewġ gowls

(Ritratt: EPA)

Inter kienu miżmuma fi dro ta’ 2-2 kontra Parma wara li kienu żewġ gowls min taħt. Parma fetħu l-iskor fil-bidu tat-tieni taqsima wara li kross fit-tul ta’ Hernani sab lil GERVINHO li b’volley eċċellenti xeħet fix-xibka. Wara s-siegħa logħob, l-istess GERVINHO rdoppja  wara li rċieva mingħand Roberto Inglese. Inter bdew ir-rimonta tagħhom żewġ minuti wara meta Nicolo Barella dawwar il-ballun fuq Marcelo BROZOVIC li b’xutt fil-baxx għeleb lil gowlkiper. Il-gowl tad-dro għal Nerazzuri wasal fl-aħħar sekondi tal-partita minn daqqa ta’ ras ta’ Ivan PERISIC wara li rċieva mingħand Aleksandar Kolarov.

Atalanta għelbu lil Crotone 2-1. Atalanta marru fil-vantaġġ fis-26 minuta wara li Ruslan Malinovskiy qassam lil Luis MURIEL li b’xutt b’saħħtu għeleb lil gowlkiper. MURIEL kabbar id-distakk fit-38 minuta, meta Remo Freuler dawwar lejn Muriel li xxutja minn barra l-kaxxa. Crotone skorjaw l-unika gowl tal-partita ftit minuti qabel il-mistrieħ permezz ta’ SIMY.