Lokali

Kaos sħiħ fit-toroq Maltin

Għadd ta' toroq magħluqin mingħajr ebda avviż.

F’waħda mill-iktar żoni f’pajjiżna li tara traffiku, fl-aħħar ġranet qed tara ferm iktar traffiku hekk kif Triq Burmarrad ingħalqet għat-traffiku.

U dan mhux biss! Skont sewwieqa li għaddew minn din iż-żona u tkelmu ma’ Net News qalu li l-ebda tabelli ta’ dak li s-sewwieqa se jsibu ma wiċċhom hekk kif jaslu, ħlief ftit metri ‘l bogħod, jew tal-anqas tabelli ta’ direzzjonijiet alternattivi bi gwida għas-sewwieq li jkunu sejrin lejn dik id-direzzjoni.

Sagħtejn sħaħ. Daqshekk dam sewwieq partikolari biex mill-Mellieħa wasal Ħaż-Żebbuġ, fejn matul it-triq lanqas kien hemm uffiċjal wieħed ta’ Transport Malta jew Pulizija biex jikkontrolla s-sitwazzjoni.

U barra dan kollu, meta wieħed fl-aħħar jirnexxilu jsib direzzjoni oħra biex jipprova jevita t-traffiku, l-istess sewwieq jgħid li għal darb’oħra jsib mini magħluqin mingħajr ebda avviż qabel wieħed jasal hemm.

U sewwieqa oħra qalet li damet 3 sigħat biex mill-Mellieħa tasal is-Swieqi, liema vjaġġ m’għandux jieħu iżjed minn nofs siegħa hekk kif il-bypass tax-Xemxija u t-Telgħa t’Alla u Ommu huma qed jaraw traffiku kbir.