Coronavirus Lokali Saħħa

“Niġbdu ħabel wieħed għall-ġid komuni u s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin” – PN

Ħadd ma għandu jiġġieled għal xi mertu f'dan iż-żmien diffiċli iżda għandna dejjem inżommu s-saħħa bħala prijorità

“Irridu niġbdu ħabel wieħed għall-ġid komuni u s-saħħa tan-nies u jekk m’aħniex se nikkontrollaw l-imxija tal-COVID-19 b’miżuri stretti u f’waqthom u b’loġistika effettiva se jkollna quddiemna kollass fis-sistema tas-saħħa.”, hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Abbiltajiet Differenti Maria Deguara.

Stephen Spiteri qal li għal din is-sitwazzjoni urew it-tħassib tagħhom l-imsieħba soċjali fosthom il-MAM u l-MUMN. Huwa qal li din pandemija li qed tolqot lil kulħadd b’impatt kbir b’mod speċjali fuq il-frontliners u s-servizzi tas-saħħa ta’ pajjiżna. Dan kollu qed iwassal għal stress qawwi fuq il-ħaddiema li jaħdmu mill-qrib mal-pazjenti, l-isptar, l-emerġenza u
b’sitwazzjoni fit-Taqsima tal-Kura Intensiva li qed teskladi bl-admissions ta’ pazjenti b’kumplikazzjonijiet bil-COVID-19 u fil-bżonn ta’ kura intensiva. Sitwazzjoni li qed twassal għall-posponimenti ta’ operazzjonijiet li kienu diġà ppjanati.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa qal li huwa ta’ importanza assoluta li nikkontrollaw bl-aħjar mod possibbli l-imxija tal-virus fil-komunita’. Għalhekk ukoll il-PN waqqaf tim t’azzjoni għall-COVID-19 li diġa’ ltaqa’ ma’ stakeholders, esperti u imsieħba soċjali u li qed iressaq numru ta’ proposti li jinkludu fost l-oħrajn:

● Li jitwaqqaf kumitat ta’ sorveljanzi nazzjonali biex isir monitoraġġ ta’ pariri li qegħdin jingħataw u jara li dawn ikunu qegħdin jitwettqu fl-aħjar interess pubbliku.
● Għandu jiddaħħal reġim sħiħ t’ittestjar għal kull min jiġi Malta minn barra permezz ta’ rapid testing obbligatorju fil-punt tad-dħul tal-pajjiż.
● Tingħata imbuttatura lejn sistema aħjar ta’ TTI (test, trace, isolate), customer care b’saħħtu u ninċentivaw postijiet bħal skejjel, kunsilli lokali u postijiet tax-xogħol biex jagħmlu rapid testing fuq skala kbira.

Stephen Spiteri qal li dawn il-proposti tal-PN huma ta’ appoġġ konkret sabiex negħlbu din l-isfida, u dan meta l-ingredjenti qegħdin hemmhekk kif urejna quddiem l-ewwel mewġa, meta ma kienx hemm indħil politiku.

Maria Degurara qalet li kien żball li qabel it-tieni mewġa tal-COVID-19 il-poplu ngħata messaġġi konflinġenti mill-Prim Ministru nnifsu. Il-Gvern abbanduna l-kawtela u llum ninsabu f’sitwazzjoni b’numru rekord ta’ każi ġodda, numru rekord ta’ nies kontaġġjati u sfortunatament in-numru tal-imwiet dejjem jikber. Hija qalet li b’sens ta’ responsabilita’ politika l-PN dejjem offra l-għajnuna lill-Gvern meta kien jeħtieġ sforz kollettiv quddiem din l-isfida nazzjonali.

Maria Deguara qalet li jkun tajjeb li fis-sitwazzjoni preżenti fejn hemm bżonn persuni jgħinu fil-contact tracing, il-Gvern jikkunsidra li ħaddiema li qed jirċievu l-għajnuna finanzjarja għax tilfu xogħolhom jiġu mgħallma biex ikunu jistgħu jgħinu f’dan l-aspett. Dan ifisser ukoll li l-Gvern ikun jista’ jerġa’ jibda servizzi li kien waqqaf. Dan meta hemm problemi fejn
jidħol il-contact tracing, diffikultajiet biex taqbad mas-servizz tal-111, stennija biex isir swab test u dewmien mhux ġustifikat biex tirċievi r-riżultat li qed iwasslu għal dewmien biex jiġu ttraċċati kuntatti bejn dawk potenzjalment infettati. Ħafna mill-problemi huma riżultat ta’ nuqqas ta’ preparament serju u nuqqas ta’ pjan fit-tul, pjan li kien ikun possibbli li kieku kellna l-kumitat ta’ sorveljanza li l-PN qed jissuġġerixxi bħalma għandhom pajjizi oħrajn.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani qalet li nafu li l-virus se jibqa’ magħna għal numru ta’ xhur u barra effetti serji fuq is-saħħa qed ikun hemm ukoll effett fuq is-saħħa mentali, u dan l-aktar fost l-anzjani. L-għaqal jitlob li minn issa isir sforz biex inħajru aktar żagħżagħ lejn karrieri fil-caring professions peress li din il-kura tirrekjedi timijiet multiduixxiplinarji. Hija appellat li bħala rikonoxximent tax-xogħol kbir li wettqu l-frontliners, jiġu rikumpensati għal-leave li ma ħadux qabel jew tul il-pandemija.

Maria Deguara qalet li issa li x-xitwa qegħdha magħna nafu li għal darba oħra sejrin inħabbtu wiċċna ma sitwazzjoni diffiċili għax irridu nlaħħqu sew mal-COVID-19 kif ukoll ma’ l-influwenza staġjonali. Hija qalet li biex nikkontrollaw l-imxija tal-COVID-19 huwa essenzjali li n-nies jikkollaboraw mal-awtoritajiet tas-saħħa u jobdu kull miżura li jkun hemm bżonn li tittieħed.