Coronavirus Lokali Saħħa

“Nissaħħu Flimkien biex nimmodernizzaw il-post tax-xogħol u nassiguraw is-sigurtà għal saħħet il-ħaddiema” – PN

Il-PN jemmen li t-teleworking kapaċi jkun soluzzjoni mhux biss għall-isfidi tal-preżent imma wkoll dawk tal-futur

Il-pandemija ħarġet il-potenzjal tar-remote-working, kunċett li kapaċi joffri ħafna flessibiltà u inqas spejjeż għall-familji. Għaldaqstant, il-gvern għandu jħeġġeġ u jinċentiva lill-ħaddiema, kemm tas-settur privat kif ukoll tas-settur pubbliku sabiex jaħtfu din l-opportunità. Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza Vera u Sħiħa Claudette Buttigieg.

ll-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli qal li l-miżura tat-telework għandha tiġi inċentivata fost l-ħaddiema Maltin. Dan jista’ jsir permezz ta’ inċentivi mal-privat kif ukoll inizjattivi mas-settur pubbliku. L-awtoritajiet tas-saħħa kienu faħħru lil din il-miżura, filwaqt li anke l-korpi kostitwiti, fid-dokument tagħhom ta’ qabel il-baġit kienu faħħru lil din l-idea u qalu li jridu jarawha tissaħaħ aktar. Apparti minn hekk, ir-remote-working għandu konsegwenzi ekonomiċi u ambjentali pożittivi oħrajn: inqas traffiku, inqas tniġġis u inqas ħtieġa ta’ spazju fiżiku għall-kumpaniji. Madankollu nemmnu li l-gvern għadu mhux jagħtiha biżżejjed importanza.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza Vera u Sħiħa Claudette Buttigieg kritikat lill-gvern fuq it-tneħħija bla mistenni ta’ Direttiva Numru 13, liema direttiva kienet tinċentiva l-użu tat-teleworking fost il-ħaddiema tas-settur pubbliku. Fid-diskors tiegħu tal-baġit, il-Prim Ministru wera li lanqas biss jaf li din id-direttiva tneħħiet. Dan b’differenza għall-Viċi Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministru Julia Farrugia Portelli, li jafu li tneħħiet għaliex it-tnejn għamlu referenza għaliha u għall-fatt li tneħħiet. Buttigieg elenkat numru ta’ konsegwenzi pożittivi oħrajn tat-teleworking – iktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u aktar għajnuna għal min jagħmel homeschooling. Buttigieg appellat lill-Prim Ministru sabiex jħeġġeġ lis-Segretarju Parlamentari Ewlieni biex jaddotta l-parir tas-Supretendent tas-Saħħa u jerġa’ jdaħħal id-direttiva 13 għas-settur pubbliku immedjatament.