Lokali

Premju Anzjanità Attiva 2020 b’differenza fid-dawl tal-COVID

Ritratti: OPR
Kuntatt virtwali sar mar-rebbieħa.

Din is-sena, il-Premju Anzjanità Attiva 2020 sar b’differenza minħabba ċ-ċirkustanzi ta’ bħalissa, bin-nominati għall-premju ma kinux preżenti fis-sala iżda minflok waqt is-serata sar kuntatt virtwali mar-rebbieħa.

Il-President ta’ Malta, George Vella awgura kemm lir-rebbieħa kif ukoll lil dawk kollha li ġew innominati għal Premju Anzjanità Attiva 2020, kif ukoll lill-mijiet ta’ anzjani f’pajjiżna li ta’ kuljum u bil-mod tagħhom qed jagħtu kontribut fis-soċjetà.

“Din il-pandemija, li ma jidhirx li se tħallina ngħixu n-normalità li konna nafu qabel – mill-inqas għal xi ftit xhur oħra – urietna biċ-ċar kemm hi kiefra s-solitudni,” qal il-President ta’ Malta. “Laqtet lil kulħadd… lill-anzjani li sabu ruħhom waħedhom u li kienu maqtugħin mill-preżenza ta’ dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kienu jżommulhom kumpanija.”

Il-President tenna x-xewqa tiegħu li l-anzjanità tkun suġġett li jiġi diskuss aktar spiss, speċjalment fejn tidħol is-solitudni. Hu rringrazza lil dawk kollha li jieħdu ħsieb lill-anzjani u lil ħaddiema li jaħdmu f’djar tal-anzjani. Dan filwaqt li ta’ ġieħ lill-anzjani kollha li mietu kaġun tal-COVID-19.

Ritratti: OPR