Coronavirus Lokali Saħħa

Robert Abela jmeri statistika uffiċjali li tkellmet dwarha Charmaine Gauci

Kienu ħafna dawk li b’mod pubbliku kkritikaw lill-Prim Ministru Robert Abela għal mod kif tkellem dwar it-tieni mewġa tal-COVID-19 matul is-Sajf li għadda. B’mod pubbliku qatt ma ammetta b’mod speċifiku li dawn kienu żbalji. Robert Abela saħaq li min ma jaħdimx ma jagħmilx żbalji. Minkejja li qal dan, il-Prim Ministru, fl-aħħar jiem reġa’ tkellem b’mod simili ta’ kif għamel fis-Sajf hekk kif saħaq li jixtieq jiċċelebra l-Milied. Għal dak kollu li qal fl-aħħar jiem u anke fl-aħħar xhur, Robert Abela wieġeb hekk; “Inżommu t-tama u l-kuraġġ.”

Waqt li kien intervistat fil-programm Xtra fuq ix-Xandir Nazzjonali, il-Prim Ministru kien mistoqsi dwar il-miżuri li qed jittieħdu jew in-nuqqas ta’ miżuri fil-ġlieda kontra l-COVID-19. Għat-tieni darba f’ġimgħa, saħaq li hemm miżuri li mhux jieħu għaliex l-poplu ma jżommx magħhom anke jekk jittieħdu. Hu tkellem bl-istess mod ftit tas-sigħat qabel waqt li kien intervistat fi programm ieħor fuq l-istess stazzjoni.

Intant, meta kien qed jitkellem dwar in-numri tal-Coronavirus f’pajjiżna, Robert Abela saħaq li r-rata ta’ mwiet, li issa bdiet taqbeż sew is-60, hija fost l-aktar baxxi. Dan jikkuntrasta ferm ma’ dak li qalu l-esperti mediċi ta’ pajjiżna hekk kif fil-bidu t’Ottubru, il-Professur Charmaine Gauci spjegat kif skont statistika ufficjali pajjiżna kellu t-tielet l-agħar rata ta’ mortalità minn fost il-pajjiżi kollha tal-Ewropa. Is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika sejħet din bħala għolja ħafna.

Fuq kollox, Robert Abela kompla jkun ottimist, minkejja li din l-attitudni ġabet kritika qawwija għal-mod ta’ kif mhux ikun kawt meta l-pandemija titlob dan.

Waqt din l-intervista li għamillu Saviour Balzan, Robert Abela kien mistoqsi fuq diversi temi oħra, fosthom Steward Healthcare, li reġa’ ddefenda, l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, li baqa’ jiddefendi u l-immigrazzjoni, fejn ftaħar li mar il-Libja f’nofs pandemija u sab is-soluzzjonijiet.

Dan minkejja li matul Lulju, kawżi f’kull ġimgħa, rajna wasliet ta’ immigranti f’pajjiżna u minkejja li mill-bidu tas-sena ‘l hawn daħlu Malta ‘il fuq minn 1,900 immigrant.