Filwaqt li kulħadd kien liebes maskri protettivi u nżammet d-distanza soċjali, mijiet ta’ persuni inġabru fi pjazza Kastilja biex jipprotestaw kontra l-aġir tal-Gvern fil-konfront tal-ambjent ta’ pajjiżna. Fuq kollox protesta favur l-ispazji miftuħa ta’ pajjiżna.
Josianne Micallef indirizzat lil dawk li nġabru quddiem l-uffiċċju tal-Prim Ministru. Hi saħqet li pajjiżna huwa żgħir u l-iktar pajjiż mibni fl-Unjoni Ewropea. “Għalhekk is-siġar tagħna, il-kampanja tagħna, l-ispazji miftuħa tagħna għall-poplu Malti jiswew ħafna iktar minn dawk li nsibu fl-Ewropa. Kull siġra li neqirdu, kull wied li nitilfu nkunu qegħdin innaqqsu l-ispazji ta’ serħan għalina lkoll.”
Saret talba lill-awtoritajiet konċernati biex jagħmlu xogħolom u jħarsu l-ambjent. Josianne qalet li “din hija r-responsabbiltà li għandhom l-entitajiet pubbliċi, bħall-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-Awtorità tal-Artijiet u oħrajn. Dawn suppost ġew maħluqa sabiex jipproteġu l-ġid komuni, sabiex ħadd ma jkun jista’ japprofitta minn dak li huwa tagħna lkoll. Nitlob lil dawn l-awtoritajiet imorru lura fiż-żmien u jifhmu għalfejn ġew maħluqa. Nitlobhom jagħmlu xogħolhom mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, mingħajr ma jkejlu s-saħħa tal-voti ta’ ħadd u mingħajr ma jibżgħu jagħmlu dak li huwa sewwa.”
Il-messaġġ lill-Gvern u lill-Prim Ministru Robert Abela kien wieħed ċar. “Irrid gvern u Prim Ministru li jifhmu l-importanza ta’ spazji miftuħa għall-pubbliku.” Huma saħqu li “l-ambjent naturali, il-wirt kulturali u s-saħħa jmorru id f’id u ma jistgħu qatt jiġu injorati meta wieħed ikejjel il-gwadann ekonomiku ta’ pajjiż.” Fuq kollox il-messaġġ kien favur is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi li jistgħu jibqgħu b’saħħithom grazzi għal spazji miftuħa li għandu pajjiżna.
Huma sejħu l-ftehim tal-Gvern li jagħti medda ta’ art kbira lill-kaċċaturi fil-Miżieb u Aħrax bħala oxxenità. Sejħu dan bħala għad egoistiku tal-Prim Ministru. “Hija oxxenità li fis-sena 2020, postijiet li kienu ġew imħawla b’siġar mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, il-Perit Dom Mintoff, flimkien ma’ għaqdiet ambjentali, jittieħdu mingħand il-pubbliku, mingħand it-tfal u l-familji tagħna, mingħand il-campers, mingħand iċ-ciklisti u mingħand kull wieħed u waħda minna. Nixtieq li l-Prim Ministru Robert Abela jifhem li din l-oxxenità li ħalla ssir ma tistax titpoġġa fl-istess kejl ma’ artijiet ħafna u ħafna iżgħar, li fil-passat ingħataw lil diversi NGOs ambjentali u kulturali. Dawn l-NGOs jaħdmu għall-ġid komuni u mhux għall-interess personali ta’ wħud mill-membri tagħhom.”
Dawn il-mesaġġi waslu f’isem 60 NGO ambjentali li flimkien jiffurmaw l-għaqda ‘Spazji Miftuħa’, kif ukoll minn ‘l fuq minn 30,000 persuna li ffirmaw petizzjoni biex jgħidu lill-Gvern li l-kampanja hija tagħna llkoll. Huma ħallew kaxxa b’diversi mesaġġi favur l-Ambjent għall-Prim Ministru Robert Abela biex jaċċertaw li dan il-messaġġ jasal f’Kastilja.
Preżenti waqt din il-protesta kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent David Thake.
//= $special ?>