Internazzjonali

“Sitwazzjoni allarmanti” – Il-Belġju lura f’lockdown

Il-Belġju għal darb’oħra qed jimponi miżuri restrittivi u stretti hekk kif l-infezzjonijiet tal-Covid-19 qed jiżdiedu b’rata allarmanti.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Belġjan ħabbar il-miżuri li se jkunu għall-Belġju kollu.

Fost il-miżuri hemm li t-teleworking isir obbligatorju. Jekk ma jkunx possibbli li taħdem mid-dar, l-użu tal-maskra fuq il-post tax-xogħol huwa obbligatorju u l-ventilazzjoni għandha tkun dejjem garantita.

L-iskejjel kollha se jibqgħu magħluqa sal-15 ta’ Novembru hekk kif min nhar it-Tnejn it-tfal għandhom ġimgħa vaganza ppjanata li tkun estiża b’ġimgħa oħra. Wara dawn il-ġimagħtejn, it-tfal fil-kindergartens u fl-iskejjel primarji se jitħallew jattendu l-iskola b’mod normali.

Ħwienet mhux essenzjali, inkluż dawk tax-xagħar se jibqgħu magħluqa filwaqt li l-funerali jistgħu jsiru sa massimu ta’ 15-il persuna, dan mingħajr ma ssir ċerimonja wara.