Lokali

WARA L-ISKANDLU LAS VEGAS: Min hu Chris Buttigieg?

Il-Bord tal-Gvernaturi tal-MFSA, li hu maħtur mill-Gvern stess, mistenni jiddeċiedi l-eżitu tas-saga sħiħa li daħal fiha l-Kap Eżekuttiv Joseph Cuschieri – li għalissa ssospenda lilu nnifsu wara li feġġ dak li qed jissejjaħ l-iskandlu Las Vegas.

L-allegazzjonijiet huma serjissimi, u kollox jindika li f’dan il-każ kien hemm kunflitt ta’ interess – każ li jdur madwar vjaġġ imħallas mill-imprenditur Yorgen Fenech lejn Las Vegas. Ma’ Cuschieri kien hemm ukoll il-konsulent legali tal-MFSA Edwina Licari.

Net News jinsab infurmat li s-Segretarju tal-Bord tal-MFSA huwa eks Kunsillier tal-Partit Laburista fiż-Żurrieq, li wkoll tpoġġa’ hemm mill-Gvern.

Skont diversi impjegati li tkellmu ma’ dan is-sit, il-persuna li ġiet appuntata mill-Bord bħala Interim CEO huwa l-id il-leminija ta’ Cuschieri, Chris Buttigieg.

L-istess sorsi qed jallegaw li Buttigieg (ritratt) ħa numru ta’ promotions fl-aħħar snin, aktar minn kull uffiċjal ieħor fl-Awtorità.

Chris Buttigieg kien jakkumpanja lil Joseph Cuschieri għal żjarat li s-CEO kien ikollu barra l-pajjiż.