Internazzjonali

Alġerija: Il-poplu jivvota f’referendum għall-bidla

epa08790389 An Algerian man prepares to vote at a polling station during a vote for a revised constitution, in Algiers, Algeria, 01 November 2020. EPA-EFE/STR

Il-poplu Alġerin qed jivvota f’referendum għall-implimentazzjoni ta’ bidliet li saru possibbli wara li Abdelaziz Bouteflika kien imġiegħel jirriżenja minn President, is-sena l-oħra.

Intant, l-avversarji tar-referendum qalu li dan ma jiggarantix riforma fundamentali fil-pajjiż, meta l-Alġerini qed jivvutaw dwar il-limiti għall-mandat tal-Presidenza u biex titwaqqaf entità ġdida nazzjonali għal kontra l-korruzzjoni. Il-konferma tal-vot ‘favur’ jew ‘kontra’ ir-referendum teħtieġ talanqas 51 fil-mija biex tkun valida – bir-riżultati għandhom jitħabbru nhar it-Tnejn.

Iż-żmien tar-referendum hu wkoll wieħed simboliku għall-Alġerija għaliex id-data tiegħu – l-Ewwel ta’ Novembru  — hi l-anniversarju tal-gwerra tal-indipendenza li l-pajjiż kien iġġieled kontra Franza fl-1954.

Intant, il-President Alġerin, Abdelmadjid Tebboune, kellu jittieħed il-Ġermanja għal kura medika, bid-dettalji dwar saħħtu ma jkunux ippubblikati.  Il-President, qabel, kien qed jgħix iżolat u anki għamel żmien fi sptar militari ta’ Alġeri, wara li numru ta’ uffiċjali ta’ miegħu kienu mardu bil-Covid-19.