Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 140 każ ġdid – ifiqu 131

Fl-aħħar disat ijiem il-Gżejjer Maltin raw żieda ta’ 924 każ – u 15-il vittma tal-pandemija.

Dan wara li fuq il-paġna ta’ Saħħa tħabbar li fl-aħħar 24 siegħa fil-Gżejjer Maltin ġew irreġistrati 140 każ ġdid ta’ Covid-19 bil-każi attivi huma dawk ta’ 1,843.

Minn Marzu s’issa t-total ta’ każi pożittivi ta’ Coronavirus jammonta għal 6,399.

Bejn is-Sibt u l-Ħadd fiequ 131 persuna sabiex it-total ta’ persuni mfejqa żied għal 4,446.

Intant, mill-100 każ li tħabbru tul il-jum tas-Sibt; 7 persuni huma qraba ta’ dawk li ttestjaw pożittiv preċedentament, 18-il każ minn fuq il-post tax-xogħol, 5 każi li kellhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi, 3 każi minn attivitajiet soċjali u 3 każi oħra importati.

Dan ifisser li 64 persuna ma kellhomx idea minn fejn jew mingħand min ġew infettati bil-virus.

Dan filwaqt li l-vittmi ta’ Covid-19 f’pajjiżna jammontaw għal 64 wara li pajjiżna fetaħ ix-xahar ta’ Novembru bl-aħbar ta’ żewġ fatalitajiet – anzjana ta’ 91 sena u raġel ta’ 80 sena – b’dan tal-aħħar il-Ministeru għas-Saħħa, bid-differenza tal-vittmi preċedenti, ma qalx li kellu kundizzjonijiet ulterjuri.